Giuseppe Conte jirbaħ vot ta' fiduċja iżda l-Gvern jitlef il-maġġoranza assoluta fis-Senat

Il-vot issejjaħ minn wieħed mill-partiti fil-koalizzjoni, Italia Viva, immexxi mill-eks Prim Ministru Matteo Renzi

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte rnexxielu jirbaħ vot ta' fiduċja fis-Senat tard ilbieraħ filgħaxija, anke jekk il-Gvern ta' Koalizzjoni ma għadx għandu maġġoranza assoluta.

Il-vot issejjaħ minn wieħed mill-partiti fil-koalizzjoni, Italia Viva, immexxi mill-eks Prim Ministru Matteo Renzi, li l-ġimgħa li għaddiet qal li ma għadx għandu fiduċja fil-Gvern.

Kollox beda meta żewġ Ministri tal-Italia Viva rriżenjaw mill-Gvern. Renzi kkritika lil Conte, partikolarment fuq il-programm ta' €222.9 biljun għall-irkupru mill-pandemija, liema fondi huma parti minn pjan ta' €750 biljun li ġie maqbul fis-sajf li għadda mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea.

Kienu 156 li vvutaw favur il-Gvern, filwaqt li 140 vvutaw kontra. Kien hemm ukoll 16-il astensjoni.

Is-Senaturi kollha ta' Italia Viva astjenew mill-vot, filwaqt li żewġ Senaturi ta' Forza Italia vvutaw kontra l-Oppożizzjoni u marru fuq in-naħa ta' Conte.

L-aħħar sondaġġi fl-Italja juru li jekk tissejjaħ elezzjoni ġenerali, jinfetaħ il-bieb għal alleanza bejn il-partit Forza Italia ta' Silvio Berlusconi, Lega ta' Matteo Salvini u Fratelli d'Italia ta' Georgia Meloni.

Konvinti li l-Gvern ta' Conte ma għandux ħajja twila, it-tliet partiti fl-Oppożizzjoni qalu nhar it-Tlieta li qed jaħdmu biex "jibdnu alternattiva."

Din mhijiex xi aħbar ġdida għall-Italja li drat bi gvernijiet fraġli. Mill-1946, l-Italja kellha 29 Prim Ministri u 66 Gvern.

Conte stess mexxa Gvern ta' koalizzjoni bejn il-Movimento Cinque Stella u l-Lega bejn Ġunju 2018 u Settembru 2019 qabel ma fforma Gvern ġdid bejn il-Movimento Cinque Stelle, il-Partit Demokratiku u l-Italia Viva.

More in Barranin