Illum Biden jieħu l-ġurament bħala President tal-Istati Uniti; 25,000 suldat se jgħassu ċ-ċerimonja

Trump mhux se jattendi l-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid u mistenni jħalli l-White House sigħat qabel u jikser tradizzjoni ta' għexieren ta' snin

Illum Joe Biden se jkun qed jieħu l-ġurament bħala President tal-Istati Uniti biex jieħu f'idu t-tmexxija ta' dan il-pajjiż li jinsab mhux biss magħkus mill-pandemija imma anke mill-firda politika li żviluppat fl-aħħar xhur u jiem.

Kamala Harris ukoll se tieħu l-ġurament bħala Viċi President, f'ċerimonja li għaliha Donald Trump mhux se jkun preżenti, l-ewwel President f''għexieren ta' snin li mhux se jkun preżenti għall-ġurament tas-suċċessur tiegħu.

Intant, f'Washington hemm sigurtà stretta, b'madwar 25,000 suldat se jkunu qed jgħassu ċ-ċerimonja u dan wara l-irvellijiet fatali fuq il-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat aktar kmieni dan ix-xahar.

Trump mistenni jħalli l-White House ftit sigħat qabel iċ-ċerimonja.

Il-Viċi President uxxenti, Mike Pence se jkun qed jattendi ċ-ċerimonja tal-ġurament tal-President il-ġdid u mhux se jattendi ċ-ċerimonja ta' tislima lil Trump li se ssir f'bażi militari ftit 'il barra minn Washington.

Fl-aħħar messaġġ tiegħu lin-nazzjon, Trump, waqt li ftaħar b'dak li rnexxielu jikseb fl-aħħar erba' snin, ħeġġeġ lill-Amerikani biex jitolbu għall-amministrazzjoni l-ġdida, anke jekk fl-ebda ħin ma semma lil Biden b'ismu.

Matul iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-President il-ġdid se jkunu qed jieħdu sehem ukoll artisti internazzjonali, fosthom Lady Gaga li se tkanta l-innu nazzjonali u anke Jennifer Lopez u Garth Brooks.

Intant, fl-ewwel sigħat tal-Presidenza tiegħu, Joe Biden mistenni jiffirma għadd ta' deċiżjonijiet eżekuttivi biex ibiddel id-direzzjoni li ħa Trump.

Fost dawn, minnufih mistenni jerġa' jdaħħal lill-Istati Uniti fil-ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u anke jikkanċella d-deċiżjoni tal-preduċessur tiegħu biex iwaqqaf diversi persuni milli jidħlu fl-Istati Uniti għax ikunu ġejjin minn diversi pajjiżi Musulmani.

More in Barranin