Jum importanti fl-Istati Uniti hekk kif illum isir magħruf jekk Biden hux se jkollu l-kontroll tas-Senat

Illum ukoll waqt sessjoni konġunta tal-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat Amerikan tiġi ċċertifikata r-rebħa ta' Biden

Jum importanti għall-Istati Uniti hekk kif f'Georgia qed jingħaddu l-voti għal żewġ siġġijiet għas-Senat Amerikan. B'98% tal-voti mgħoddija, ir-riżultat jidher li se jkun wieħed viċin ħafna.

Din il-votazzjoni hija importanti għax tiddetermina min se jkollu l-kontroll tas-Senat jekk hux ir-Repubblikani tal-President uxxenti Donald Trump jew id-Demokratiċi tal-President-elett Joe Biden.

Jekk Biden jieħu wkoll il-kontroll tas-Senat, ikollu triq aktar faċli biex jgħaddi u jimbotta 'l quddiem ir-riformi u l-aġenda tiegħu.

Preżentament, il-kontroll tas-Senat jinsab f'idejn ir-Repubblikani. Id-Demokratiċi jeħtieġ li jirbħu ż-żewġ siġġijiet biex jieħdu l-maġġoranza. Għar-Repubblikani, biżżejjed siġġu wieħed.

Il-votazzjoni kellha terġa' ssir hekk kif f'Novembru li għadda, ħadd mill-kandidati ma kiseb il-50% tal-voti meħtieġa.

Intant, illum ukoll, iż-żewġ kmamar tal-Kungress, jiġifieri l-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat, se jiltaqgħu flimkien fejn se jinfetħu ċ-ċertifikati ssiġġillati li waslu mill-50 stat Amerikan u li fihom hemm il-voti elettorali.

Kull stat Amerikan għandu abbinat miegħu numru ta' siġġijiet elettorali. Biex President ikun elett irid jikseb minn tal-inqas 270 siġġu elettorali. Biden kiseb 306 u Trump 232.

Intant, fis-sessjoni tal-lum, dawn il-voti elettorali, jingħaddu b'mod uffiċjali.

Dan il-proċess isir taħt is-superviżjoni tal-Viċi President Mike Pence, li bħala President tas-Senat jiddikjara r-rebbieħ tal-elezzjoni Presidenzjali.

Wara dan, ikun imiss il-ġurament tal-President li jsir fl-20 ta' Jannar.

More in Barranin