Ir-Renju Unit se jibda jagħti wkoll it-tilqima ta' Oxford u AstraZeneca hekk kif il-każi jkomplu jiżdiedu

Ilbieraħ, għas-sitt ġurnata konsekuttiva, ir-Renju Unit irreġistra aktar minn 50,000 każ ġdid ta’ Covid-19

L-ewwel dożi tal-vaċċin ta’ Oxford u AstraZeneca mistennija jibdew jingħataw fir-Renju Unit hekk kif il-Gvern Ingliż qed iħaffef il-programm tiegħu tat-tilqim bil-għan li jikkontrolla malajr kemm jista’ jkun iż-żieda qawwija fil-każi ta’ Covid-19.

Fil-fatt, aktar min-nofs miljun doża tal-vaċċin jinsabu lesti biex jiġu amministrati.

Is-Segretarju Ingliż għas-Saħħa saħaq li dan huwa “mument importanti mmens” fil-ġlieda tar-Renju Unit kontra l-virus.

Madanakollu, il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, saħaq li r-restrizzjonijiet jaf jiħraxu bil-għan li tkun ikkontrollata ż-żieda qawwija fil-każi, ikkawżata mill-varjant il-ġdid tal-Covod-19.

Ilbieraħ, għas-sitt ġurnata konsekuttiva, ir-Renju Unit irreġistra aktar minn 50,000 każ ġdid ta’ Covid-19.

Il-Partit Laburista Ingliż qed isejjaħ għat-tielet lockdown nazzjonali.

L-Irlanda ta’ Fuq u anke Wales bħalissa jinsabu taħt lockdown filwaqt li l-kabinett Skoċċiż mistenni jiltaqa’ llum biex jikkunsidra l-introduzzjoni ta’ aktar miżuri.

Malta għandha allokati miljun doża minn dan il-vaċċin li jibda jaslu malli jkun hemm l-approvazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina.

More in Barranin