Johnson u von der Leyen jiġġieldu mal-ħin biex jintlaħaq ftehim qabel l-aħħar tas-sena

L-uffiċċju tal-Prim Ministru Ingliż ikkonferma li ż-żewġ mexxejja se jkunu qed jiltaqgħu għall-ikel biex ikomplu jiddiskutu r-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet mis-sena d-dieħla ‘l quddiem

ll-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson illum mistenni jiltaqa’ mill-ġdid mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen hekk kif iż-żewġ naħat qed jiġġieldu kontra l-ħin bil-għan li jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ partijiet ftit jiem biss qabel jintemm iż-żmien ta’ tranżizzjoni wara Brexit.

Sa issa, minkejja diversi tentattivi dan il-ftehim baqa’ ma ntlaħaqx u dan qed iżid il-biża’ li jekk iż-żewġ partijiet imorru f’direzzjonijiet kompletament differenti mingħajr l-ebda ftehim bejniethom, dan jista’ jwassal għal problemi ekonomiċi u anke aktar sfidi għan-negozji mhux biss fir-Renju Unit.

L-uffiċċju tal-Prim Ministru Ingliż ikkonferma li ż-żewġ mexxejja se jkunu qed jiltaqgħu għall-ikel biex ikomplu jiddiskutu r-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet mis-sena d-dieħla ‘l quddiem.

Johnson qal li jittama li jintlaħaq kompromess bejn iż-żewġ naħat u d-deskriva s-sitwazzjoni bħalissa bħala waħda, xi ftit jew wisq, kumplessa.

Min-naħa tagħha, von der Leyern qalet fuq Twitter li tinsab ħerqana biex tilqa’ lil Johnson biex ikunu jistgħu jkomplu t-taħdidiet.

Wara li ż-żewġ mexxejja kellhom telefonata nhar it-Tnejn li għadda, jidher li għad hemm differenzi “sinifikanti” fuq kwistjonijiet ewlenin, fosthom id-drittijiet dwar is-sajd u l-kompetizzjoni ġusta 

Dan qed jitqies bħala mument kruċjali għat-tmexxija ta’ Johnson li kien wieħed mill-mexxejja tal-kampanja favur Brexit u li saħansitra waslitu sa Downing Street wara r-riżenja ta’ Theresa May li wkoll ma rnexxilix tasal għal ftehim mal-Unjoni Ewropea.

More in Barranin