Joe Biden ikkonfermat rebbieħ fl-istat ta' Georgia; Ir-recount ma jbiddilx ir-riżultat

Trump kellu dritt jitlob recount hekk kif id-differenza bejn iż-żewġ kandidati, f'dan l-istat, kienet inqas minn 1%

Ir-rebħa tal-President-elett Joe Biden ġiet ikkonfermata fl-istat ta' Georgia hekk kif intemm il-proċess tar-recount mitlub mill-President Donald Trump.

Trump kellu dritt jitlob recount hekk kif id-differenza bejn iż-żewġ kandidati, f'dan l-istat, kienet inqas minn 1%.

Dan ikompli jpoġġi lill-President Trump, li għadu mhux jikkonċedi t-telfa, daharu mal-ħajt hekk kif il-proċeduri legali li fetaħ, diġà twaqqgħu fi tliet stati.

Biden għadda lil Trump b'12,284 vot l-istat ta' Georgia.

F'kummenti lill-midja, il-President-elett saħaq li Trump kien jaf li ma kellu l-ebda ċans jirbaħ l-istat ta' Georga u akkużah li qed ikun "irresponsabbli."

Biden għadda lil Trump anke fil-vot popolari, hekk kif se jkun kiseb aktar minn 5.9 miljun vot minn Trump. Meta kull stat ikun iċċertifika r-riżultat, Biden mistenni jikseb 306 vot fil-Kulleġġ Elettorali kontra l-232 li se jkun kiseb Trump. 

Kull stat Amerikan għandu numru ta' voti elettorali abbinati miegħu. Meta kandidat jirbaħ stat, jieħu dawk il-voti fil-Kulleġġ Elettorali. Biżżejjed biex wieħed jikseb 270 vot elettorali biex ikun elett President. 

Sadanittant, Trump għadu qed jisħaq li hu "rebaħ" l-elezzjoni u qed ikompli għaddej b'allegazzjonijiet, bla ebda evidenza, li l-elezzjoni kienet waħda mbagħbsa.

More in Barranin