Biden jisħaq li 'aktar nies se jmutu' jekk Trump se jibqa' jċaħħdu mill-proċess tat-tranżizzjoni

Biden insista li jeħtieġ ikun hemm aktar koordinazzjoi biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden wissa li “aktar persuni se jmutu” jekk l-amministrazzjoni tiegħu se tibqa’ tkun imċaħħda mill-proċess tat-tranżizzjoni mill-President Donald Trump.

Biden insista li jeħtieġ ikun hemm aktar koordinazzjoi biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19, li laqtet lill-Istati Uniti kif ma laqtet lill-ebda pajjiż ieħor.

Fil-fatt, il-President-elett iddeskriva l-attitudni ta’ Trump, li ma jridx jikkonċedi t-telfa, bħala “totalment irresponsabbli.” 

Biden qed ikun imċaħħad minn Trump minn proċess ta’ tranżizzjoni li f’dawn ix-xahrejn, sal-ġurament tal-20 ta’ Jannar, huwa importanti ħafna.

Trump fetaħ sensiela ta’ proċeduri legali biex jikkontesta l-għadd tal-voti, fosthom minħabba s-sitema ġdida ta’ voti bil-posta. 

It-tim legali ta’ Trump qed jipprova jbiddel il-vot f’dawk l-istati l-aktar importanti waqt li qed jisħaq li ħafna mill-voti huma invalidi jew inkella l-proċess tal-għadd tal-voti kien imbagħbas.

Minkejja dan, sa issa, l-ebda allegazzjoni ta’ Trump ma kienet ippruvata.

Joe Biden kiseb 306 voti fil-Kulleġġ Elettorali li jeleġġi l-President Amerikan. Biex ikun iddikjarat rebbieħ, kandidat jeħtieġ iġib 270 vot. 

Kull stat Amerikan għandu ammont ta’ voti elettorali abbinati miegħu. 

Minkejja dan, sal-bieraħ, Trump kiteb fuq Twitter: "I won the Election!"

More in Barranin