L-Italja u r-Renju Unit iħabbru aktar miżuri restrittivi hekk kif il-każi ta' Covid-19 ikomplu jiżdiedu

Kemm l-Italja u anke r-Renju Unit raw żieda sostanzjali fil-każi ta' Covid-19 fl-aħħar jiem

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar sett ġdid ta’ miżuri li jibqgħu fis-seħħ għal xahar hekk kif il-każi tal-Covid-19 fl-Italja qed jerġgħu jiżdiedu.

Fost oħrajn, ir-regoli l-ġodda mħabbra lbieraħ iwaqqfu kompletament l-attivitajiet u l-okkażjonijiet privati kemm fil-magħluq u anke fil-miftuħ.

Il-Gvern Taljan qed jirrakkomanda lit-Taljani biex lanqas ma jistiednu nies fid-djar għall-ikel jew okkażjonijiet oħra u jekk xorta waħda jistiednu n-nies, ma jistgħux ikunu aktar minn sitta.

Anke jekk ġewwa u fil-privat, persuni li ma jgħixux fl-istess dar, iridu jilbsu l-maskra. Il-maskri jridu jintilbsu dejjem mill-bieb ‘il barra.

Ir-ristoranti u anke l-barijiet se jkunu qed jagħlqu kompletament f’nofsilejl iżda mid-disgħa ta’ filgħaxija ‘l quddiem se jkunu qed iservu biss lil dawk bilqiegħda mal-imwejjed.

Fil-fatt, barijiet li ma għandhomx imwejjed, għandhom jagħlqu fis-9pm.

Apparti minn hekk, il-Gvern Taljan waqqaf ukoll il-ħarġiet tal-iskejjel u l-isport bejn gruppi ta’ ħbieb.

X'se jiġri fir-Renju Unit?

Intant anke r-Renju Unit ħabbar sett ta’ miżuri ġodda. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson spjega sistema li permezz tagħha, kull żona jew reġjun se tkun qed tingħata livell ta’ riskju, jiġifieri jew baxx, jew medju jew ogħli.

Skont il-livell ta’ riskju, jidħlu awtomatikament miżuri restrittivi.

Fiż-żoni fejn ir-riskju huwa baxx, il-pubs, bars u r-ristoranti se jkunu qed jagħlqu fl-10pm filwaqt li ma jistgħux jiltaqgħu gruppi akbar minn sitta, kemm barra u anke fuq ġewwa, inkluż fid-djar.

Fiż-żoni ta’ riskju medju, apparti l-miżuri li japplikaw fil-każ taż-żoni b’riskju baxx, jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet oħra, fosthom li persuni ma jistgħux jistiednu persuni oħra fid-djar tagħhom.

Fiż-żoni jew l-ibliet fejn ir-riskju huwa wieħed ogħli ħafna, bħal fil-każ tar-reġjun ta’ Liverpool, ir-restrizzjonijiet huma aktar b’saħħithom:

  • Pubs u bars magħluqa kompletament ħlief jekk dawn iservi platti tal-ikel
  • Familji li ma jgħixux flimkien ma jistgħux jiltaqgħu u jitħalltu
  • Gyms, ħwienet tal-logħob u casinos magħluqa kompletament

Diversi pajjiżi oħra Ewropej, fosthom Spanja u anke Franza, ukoll kellhom iżidu drastikament ir-restrizzjonijiet.

More in Barranin