Minn għada, il-barijiet kollha f’Pariġi se jkunu qed jagħlqu kompletament il-bibien tagħhom hekk kif fl-aħħar ġimgħat Franza kienet qed tirraporta eluf ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 kuljum.
Dan seħħ hekk kif il-livell ta’ allert f’Pariġi ttella’ għal-livell massimu.
Dawn ir-restrizzjonijiet mistennija jibqgħu fis-seħħ għal minn tal-inqas ħmistax. Aktar dettalji mistennija jingħataw illum mill-Prim Ministru
Ilbieraħ, Franza rrapportat xejn inqas minn 12,565 każ ġdid ta’ Covid-19.
Il-belt ta’ Marsilja għalqet il-barijiet u r-ristoranti kollha l-ġimgħa li għaddiet.
Franza qed tpoġġi bliet jew reġjuni taħt allert massimu meta r-rata ta’ infezzjonijiet taqbeż il-250 persuna għal kull 100,000 u meta 30% tas-sodod fiċ-ċentri ta’ kura intensiva jkunu meħuda minn pazjenti pożittivi għall-virus.
“Dawn il-miżuri huma indispensabbli biex tkun ikkontrollata l-imxija,” spjega l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Franċiż.
Apparti minn hekk, ir-ristoranti se jkunu qed isegwu restrizzjonijiet aktar b’saħħithom.
Fost oħrajn, ir-ristoranti jridu jżommu l-kuntatt tal-klijenti kollha u jagħlqu fl-10:00pm.
Franza qed tappella wkoll biex kemm jista’ jkun u fejn possibbli, ix-xogħol mid-dar jingħata prijorità.