Jieqfu ħesrem it-testijiet fuq il-vaċċin ta' Oxford wara li parteċipant kellu jiddaħħal l-isptar

Kelliem għat-tim ma tax dettalji tas-sintomi li ħass il-parteċipant u saħaq li dawn huma affarijiet normali meta t-test jinvolvi l-parteċipazzjoni ta' ħafna nies

L-aħħar testijiet kliniċi fuq vaċċin kontra l-Covid-19 li qed isiru mill-kumpanija AstraZeneca bi sħab mal-Università ta’ Oxford, kellhom jieqfu ħesrem hekk kif wieħed mill-parteċipanti ħassu ma jiflaħx ftit wara li tlaqqam u kellu jiddaħħal l-isptar.

Fi stqarrija, il-kumpanija ddeskriviet din il-waqfa bħala waħda ta’ “rutina” hekk kif wieħed mill-parteċipanti kellu għaliha reazzjoni “mhux spjegata.”

Anke l-Università ta’ Oxford, filwaqt li ma tatx dettalji tas-sintomi li żviluppa l-parteċipant, insistiet li dawn huma affarijiet normali.

Kelliem għall-Università qal: “f’testijiet fuq skala kbira, hemm ċans kbir li jkun hemm min jiżviluppa sintomi jew ikun ma jifħalx,” filwaqt li insista li dawn il-każi jridu jkunu eżaminati indipendentament u bl-akbar reqqa qabel ma jkomplu t-testijiet.

Dan il-vaċċin kien meqjus bħala wieħed mill-aktar kandidati b’saħħithom fost għexieren oħra li qed ikunu żviluppati globalment.

Fil-fatt kien hemm tama qawwija li dan il-vaċċin jista’ jkun wieħed mill-ewwel li joħroġ fis-suq u dan hekk kif l-ewwel żewġ fażi ta’ testijiet kliniċi kienu suċċess.

Il-vaċċin għadda għat-tielet fażi fil-ġimgħat li għaddew. Din il-fażi tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 30,000 persuna li ġejjin mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Brażil u l-Afrika ta’ Isfel.

Normalment, meta jkun qed jiġi żviluppat vaċċin, din il-fażi ġieli tieħu snin.

More in Barranin