Covid-19 | Mijiet ta' eluf ta' studenti fl-Iskozja mhux qed imorru l-iskola

L-iskejjel fl-Iskozja bdew jiftħu l-bibien tagħhom fil-11 ta’ Awwissu wara li kienu ilhom magħluqa minn Marzu

L-iskejjel fl-Iskozja qed jirrappurtaw żieda sostanzjali fl-assentiżmu hekk kif eluf ta’ studenti mhux qed jintbagħtu l-iskola.

Skont informazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet edukattivi fl-Iskozja, aktar minn 15.5% tal-istudenti, jew aħjar ‘il fuq minn 100,000 student, ma kinux qed jattendu l-iskola sal-ġimgħa li għaddiet.

Minn dawn, 22,821 biss kienu kostretti jibqgħu d-dar minħabba infezzjoni bil-Covid-19 jew minħabba raġunijiet ta’ kwarantina.

F’kummenti mal-midja, l-akbar unjin li tirrappreżenta lill-Edukaturi fl-Iskozja, l-EIS, qalet li ħafna mill-ġenituri qed ikunu kawti ħafna u għalhekk, anke jekk it-tfal tagħhom ikollhom sempliċiment riħ ħafif, mhux qed jibagħtuhom l-iskola. Oħrajn mhux qed jibagħtuhom għax qed jibżgħu.

L-iskejjel fl-Iskozja bdew jiftħu l-bibien tagħhom fil-11 ta’ Awwissu wara li kienu ilhom magħluqa minn Marzu. 

Skont il-Gvern Skoċċiż, minn meta fetħu l-iskejjel, madwar 40,000 student u studenta ġew ittestjati għall-coronavirus u minn dawn 117 irriżultaw pożittiv.

More in Barranin