Il-Gvern tal-Libanu jordna l-arrest ta' diversi uffiċjali tal-Port wara l-isplużjoni tat-Tlieta

B’kollox, 135 persuna tilfu ħajjithom, eluf weġġgħu u għexieren oħra għadhom nieqsa

Il-Gvern tal-Libanu ordna l-arrest ta’ diversi uffiċjali tal-port ta’ Bejrut u dan hekk kif l-investigaturi, li qed jinvestigaw l-isplużjoni enormi ta’ nhar it-Tlieta, qed iħarsu lejn il-possibbilità ta’ negliġenza meta dawn ħallew li għexieren ta’ tunellati ta’ fertilizzant perikoluż u splussiv jinżamm maħżun f’maħżen viċin il-baħar.

L-uffiċjali bħalissa qed jinżammu taħt arrestati fi djarhom waqt li l-Protezzjoni Ċivili għadhom qed ifittxu diversi persuni li sa issa għadhom irrapportati nieqsa.

B’kollox, 135 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li eluf weġġgħu.

Intant qed tikber ir-rabja fost bosta residenti li qed jitfgħu l-ħtija fuq dawk fil-poter li għamlu xejn biex ikun evitat dan id-diżastru.

Bdiet ukoll tasal għajnuna umanitarja minn diversi pajjiżi madwar id-dinja lil dan il-pajjiż li huwa diġà mgħerreq taħt kriżi ekonomika kbira.

Fost oħrajn, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, mistenni jżur il-Libanu llum biex jiltaqa’ mal-mexxejja. Franza diġà bagħtet żewġ arjuplani mimlija speċjalisti mediċi u anke mediċina u ikel għal dawk milquta.

More in Barranin