Il-mexxejja tal-UE għadhom mhux jaqblu dwar fond ta' rkupru wara l-pandemija

Il-mexxejja qed jattendu għal summit li kellu jintemm is-Sibt iżda li se jkompli llum wara li l-pajjiżi baqgħu ma qablux bejniethom

Hekk kif daħlu fir-raba’ jum tagħhom il-laqgħat fi Brussell dwar pakkett ta’ rkupru għall-ekonomiji wara l-ħerba li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea għadhom ma jistgħux isibu qbil.

Is-summit kellu jintemm is-Sibt li għadda iżda wara li ma ntlaħaqx qbil, id-diskussjonijiet komplew matul l-aħħar sigħat. Fil-fatt, il-mexxejja temmew laqgħa oħra kmieni t-Tnejn filgħodu u mistennija jerġgħu jiltaqgħu llum waranofsinhar.

Id-diskussjonijiet huma dwar pakkett propost ta’ €1.68 triljun li jinkludi l-baġit għas-seba’ snin li ġejjin u fond ta’ rkupru wara l-pandemija.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel saħaq mal-mexxejja li jekk il-pajjiżi mhux se jwarrbu d-differenzi ta’ bejniethom se jibagħtu messaġġ li l-Unjoni Ewropea hija dgħajfa u fiha jeżisti nuqqas ta’ fiduċja bejn l-istati membri.

L-akbar differenzi jidher li huma bejn il-pajjiżi l-agħar milquta mill-virus bħall-Italja u Spanja u pajjiżi oħra li jridu jnaqqsu d-daqs tal-fond u anke jpoġġu restrizzjonijiet aktar iebsa fuq l-użu tal-flus.

Dawn tal-aħħar, li jinkludu l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Olanda, qed jisħqu li l-fond propost ta’ €750 biljun huwa kbir wisq u flok għotjiet għandu jingħata bħala self lill-pajjiżi.

More in Barranin