In-New Zealand b'żewġ każi importati ta' Covid-19 wara 24 jum bla każ ġdid

Il-ġimgħa li għaddiet, in-New Zealand neħħiet ir-restrizzjonijiet kollha u ddikjarat il-pajjiz bħala wieħed ħieles mill-virus

Wara 24 jum mingħajr każ wieħed ġdid ta’ Covid-19, in-New Zealand irrapportat żewġ każi ġodda, liema każi ġew importati mir-Renju Unit.

Iż-żewġ pazjenti huma mill-istess famija. Huma daħlu fil-pajjiż fis-7 ta’ Ġunju.

Matul dawn il-jiem huma qagħdu f’iżolament f’lukanda f’Auckland u fit-12 ta’ Ġunju applikaw għal eżenzjoni biex iżuru qarib li kien qed imut. 

Huma ngħataw il-permess li jivjaġġaw għal Wellington fit-13 ta’ Ġunju. Waħda min-nisa ħasset xi sintomi qabel iżda ma tkellmitx għax ħasbet li huma sintomi ta’ kundizzjoni oħra li tbati minnha.

Il-ġimgħa li għaddiet, in-New Zealand neħħiet ir-restrizzjonijiet kollha u ddikjarat il-pajjiz bħala wieħed ħieles mill-virus.

Minkejja dan, għad hemm restrizzjonijiet stretti fuq il-fruntieri fejn fil-pajjiż qed jitħallew jidħlu biss ċittadini u anke ħaddiema li xogħolhom huwa essenzjali.

Mit-8 ta’ Ġunju, kull min jidħol fi New Zealand qed ikun ittestjat għall-Covid-19 u qed jitpoġġa taħt kwarantina jew iżolazzjoni mandatorja ta’ 14-il ġurnata.

More in Barranin