Madrid u Barċellona jerġgħu jibdew jieħdu l-ħajja; Il-Greċja tiftaħ l-istaġun turistiku qabel ippjanat

Diversi pajjiżi jkomplu jieħdu n-nifs wara l-imxija tal-COVID-19 li waqqfet lid-dinja

Madrid u anke Barċellona bdew jieħdu ftit tan-nifs hekk kif mil-lum, ftit ftit, bdew jerġgħu jinfetħu xi negozji u dan ħmistax wara l-bqija tal-pajjiż.

Kemm Madrid u anke Barċellona kienu l-agħar milquta mill-pandemija hekk kif fi Spanja ġew infettati ‘l fuq minn 235,000 persuna u kważi 29,000 tilfu ħajjithom.

Mil-lum, persuni jistgħu jibdew joħorġu fi gruppi ta’ mhux aktar minn 10 persuni, anke fil-barijiet u r-ristoranti. Infetħu wkoll mill-ġdid ġonna pubbliċi.

Minkejja dan, kulħadd irid jilbes il-maskra, kemm fl-istabbilimenti u anke fit-toroq.

Intant, il-Gvern Spanjol qed jippjana li jiftaħ il-fruntieri tiegħu għat-turisti minn Lulju.

Fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran, il-Greċja ma stennitx sa Lulju u mil-lum il-pajjiż reġa’ nfetaħ għat-Turiżmu, bir-ristoranti u l-barijiet jinfetħu wkoll.

Fil-fatt, mil-lum reġgħu bdew joperaw diversi servizzi ta’ traġitt bil-baħar.

Ir-rata ta’ infezzjonijiet fil-Greċja hija waħda baxxa u għalhekk il-Gvern iddeċieda li jibda l-istaġun tas-sajf u l-btajjel qabel il-15 ta’ Ġunju kif kien ippjanat.

More in Barranin