Kumpanija Franċiża tqajjem rabja wara li saħqet li l-Amerka se tingħata prijorità jekk issib il-vaċċin

Il-Prim Ministru Franċiż, Edouard Philippe insista li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fejn jidħol il-vaċċin

Sanofi, kumpanija Franċiża meqjusa bħala ġgant tal-farmaċewtika qed taqla' kritika qawwija mill-Gvern Franċiż u dan wara li qalet li l-vaċċin kontra l-COVID-19 se jkun qed jingħata l-ewwel lill-Istati Uniti.

Paul Hudson, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, qal dan ma’ Bloomberg fejn insista li l-Amerka se tkun qed tingħata prijorità għax kien il-Gvern Amerikan li ffinanzja r-riċerka li qed tagħmel Sanofi.

Iżda l-Prim Ministru Franċiż, Edouard Philippe kkundanna dawn il-kummenti u insista li ma għandu jkun hemm l-ebda diskussjoni fuq il-fatt li kulħadd, mingħajr l-ebda differenza, għandu jkollu aċċess għall-vaċċin.

“Infakkar lil Hudson li lili assigurani dwar id-distribuzzjoni fi Franza tal-vaċċin jekk dan jinstab mill-kumpanija,” insista l-Prim Ministru.

Ikkritikah ukoll il-Ministru għall-Ekonomija Franċiż, Agnes Pannier-Runacher wara li insista li mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm pajjiżi pprivileġġati sempliċiment għal raġunijiet finanzjarji.

Intant, id-Direttur tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għall-Ewropa, Hans Kluge, saħaq li nkunu “ottimisti żżejjed” jekk naħsbu li fi żmien sena se jkollna vaċċin kontra l-COVID-19.

“Jekk inħarsu lejn sena u nofs inkunu aktar ottimisti,” inista Kluge f’intervista.

Huwa saħaq li l-ewwel li għandhom jirċievu l-vaċċin huma l-ħaddiema tas-saħħa li kontinwament qed ikunu f’kuntatt mal-virus.

More in Barranin