Ryanair qed tippjana li tibda topera 40% tat-titjiriet tagħha minn Lulju li ġej

Ryanair qed tbassar li minn Lulju topera madwar 1,000 titjira kuljum

Il-linja tal-ajru Ryanair qed tippjana li tintroduċi lura madwar 40% tat-titjiriet tagħha mill-1 ta’ Lulju li ġej hekk kif ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar bdew jitnaqqsu f’diversi ajruporti.

Ryanair qed tbassar li minn Lulju topera madwar 1,000 titjira kuljum. Dan ifisser li se tkun qed topera kważi r-rotot kollha tagħha.

Biex dan iseħħ se jkunu qed jittieħdu diversi prekawzjonijiet. Fost dawn, kemm l-ekwipaġġ u anke l-passiġġiera se jkunu kostretti jilbsu l-maskri matul it-tijira kollha.

Il-kjuwijiet għat-toilet mhux se jkunu permessi u wieħed irid jitlob permess biex iqum minn postu.

Hu mifhum ukoll li l-passiġġiera se jkunu mitluba jagħmlu ċ-check-in online u anke jtellgħu magħhom inqas affarijiet abbord l-ajruplan.

Il-biljett tal-ajru jrid jibda jitniżżel fuq il-mowbajls.

Il-kumpanija qalet li l-ajruplani kollha se jkunu ddiżinfettati kuljum.

Minn meta daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijet, Ryanair kienet qed topera madwar 30 titjira kuljum bejn l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Ewropa.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair, Michael O'Leary saħaq li l-Gvern Ingliż qal li fejn is-social distancing mhuwiex possibbli, wieħed għandu jilbes il-maskri u hekk se jkun qed jiġri fuq l-ajruplani, waqt li ċaħad il-proposta biex bejn passiġġier u ieħor jinżamm post vojt.

More in Barranin