COVID-19 | Il-każi fl-Istati Uniti jaqbżu l-miljun

Dan ifisser terz tat-total tal-każi globalment

Fl-Istati Uniti l-imxija tal-COVID-19 ħarbet sew hekk kif fl-aħħar sigħat it-total tal-każi qabeż il-miljun, jiġifieri kważi terz tal-każi kollha madwar id-dinja.

B'kollox, sa issa, fl-Istati Uniti mietu kważi 60,000 persuna u l-għadd tal-imfejqa jħallaq l-142,000 persuna. Dan ifisser li l-maġġoranza assoluta tal-każi, jiġifieri aktar minn 800,000, għadhom attivi.

Minkejja li l-każi fl-Istati Uniti għadhom telgħin, xi stati xorta waħda għadhom qed jaħdmu biex jiftħu n-negozji tagħhom.

Il-President Amerikan Donald Trump tkellem fuq "normal ġdid," fejn fost oħrajn indika li t-testijiet fuq persuni li jmorru l-Istati Uniti jistgħu jsiru obbligatorji.

Huwa saħaq li qed tkun studjata l-possibbilità li jibda jsir it-testijiet fuq dawk il-passiġġieri li jkunu sejrin l-Istati Uniti minn żoni li huma affettwati ħafna.

"Se nkunu qed inħarsu lejn dan fil-futur qrib," saħaq Trump.

More in Barranin