L-aktar tliet pajjiżi Ewropej milquta mill-COVID-19 jirrapportaw l-inqas numru ta' vittmi f'ġimgħat

Aħbarijiet sbieħ mill-Italja, Spanja u Franza

L-għadd tal-vittmi tal-COVID-19 niżel għall-aktar livelli baxxi fl-aħħar ġimgħat fit-tliet pajjiżi Ewropej l-agħar milquta mill-pandemija, jiġifieri l-Italja, Spanja u Franza.

Ilbieraħ, fl-Italja, 260 persuna tilfu ħajjithom kawża tal-virus. Anke jekk in-numru mhuwiex żgħir, huwa ħafna inqas mill-għadd tal-imwiet li kienu qed ikunu rrapportati fl-aħħar ġimgħat.

Fi Franza, ilbieraħ, kienet irrapportata 242 mewta, l-iżgħar ammont mill-bidu ta’ Marzu ‘l hawn, filwaqt li fi Spanja, l-għadd tal-fatalijiet niżel għal 288 każ fl-aħħar 24 siegħa, l-inqas amont mill-20 ta’ Marzu ‘l hawn.

Intant, kemm fi Spanja u anke fl-Italja, bdew jiġu merħija xi restrizzjonijiet, fejn fi Spanja, pereżempju, it-tfal ingħataw permess joħorġu għal siegħa waħda kuljum.

L-Italja, l-ewwel pajjiż li mpona lockdown fl-Ewropa, se tkun qed tippermetti li s-settur tal-manifattura jerġa’ jibda jopera mill-4 ta’ Mejju li ġej.

Ir-ristoranti u l-barijiet se jibqgħu magħluqa u l-iskejjel se jibqgħu magħluqa sa Settembru.

Il-lockdown fl-Italja jiġi fi tmiemu nhar il-Ħadd li ġej, anke jekk il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte xorta waħda appella biex kemm jista’ jkun min ma jkollux bżonn joħroġ jibqa’ d-dar u min joħroġ jilbes il-maskra.

More in Barranin