L-UE taqbel dwar pakkett biex tgħin lill-pajjiżi l-aktar milquta; Il-Ġermanja tħejji għat-tieni mewġa

Intant, fl-aħħar 24 siegħa, fl-Istati Uniti mietu 'l fuq minn 3,000 persuna

Il-Ħamis filgħaxija, l-Unjoni Ewropea qablet dwar pakkett ta’ għajnuna ta’ aktar €540 biljun biex ikunu mgħejjuna dawk l-istati membri li l-ekonomija tagħhom ħadet daqqa qawwija kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel qal li dan il-pakkett għandu jkun ta’ għajnuna għall-ħaddiema u n-negozji f’dawk il-pajjiżi l-aktar milquta. 

Appella biex dan il-pakkett jibda jopera mill-1 ta’ Ġunju filwaqt li spjega kif intlaħaq qbil biex jitwaqqaf ukoll fond ta’ rkupru.

Il-Ġermanja tħejji għat-tieni mewġa

Il-Ġermanja bdiet tħejji biex tkun imħejjija bil-lest f’każ li l-pajjiż ikun milqut mit-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet.

F’Berlin qed jinbena sptar li se jkun jista’ jilqa’ fih ‘il fuq minn 1,000 pazjent f’każ ta’ tieni mewġa, possibbilità li l-awtoritajiet qed jeħduha bis-serjeta.

“Hemm periklu fundamentali li l-infezzjonijiet jerġgħu jiżdiedu jekk ir-restrizzjonijiet jitwaqqfu kmieni wisq,” saħqet Lars Schaade, id-Deputat Direttur tal-Aġenzija għas-Saħħa Robert Koch.

Il-Parlament tal-El Salvador evakwat wara suspett ta’ każ tal-COVID-19

L-assemblea parlamentari tal-El Salvador kellha twaqqaf minnufih is-sessjoni tal-bieraħ wara li fil-binja kien hemm każ suspettat ta’ COVID-19.

Il-pazjent suspettat kien immedjatament evakwat mill-binja.

Kemm id-Deputati u anke l-istaff ingħataw struzzjonijiex biex jibqgħu f’iżolament sakemm dan il-każ ikun investigat.

L-imwiet fl-Istati Uniti jiżdiedu bi 3,167 f’ġurnata

L-Istati Uniti rrapportat wieħed mill-akbar numri ta’ mwiet sa issa, kawża tal-COVID-19, hekk kif ilbieraħ tilfu ħajjithom 3,176 persuna.

Ġurnata qabel, tilfu ħajjithom 1,7828 persuna.

Fl-aħħar 24 siegħa kienu rrapportati wkoll 26,971 każ ġdid.

More in Barranin