Il-White House tbassar li l-coronavirus jista' jħalli 'l fuq minn 100,000 persuna mejta

Il-President Donald Trump insista li l-ħmistax li ġejjin se jkunu iebsa ħafna għall-Istati Uniti

Waqt konferenza li saret fil-White House lbieraħ filgħaxija, il-Koordinatur tal-Istati Uniti għall-ġlieda kontra l-Coronavirus, Deborah Brix, saħqet li mill-istatistika jirriżulta li ‘l fuq minn 100,000 persuna tista’ titlef ħajjitha fl-Istati Uniti.

Brix saħqet li dawn huma biss statistiċi u l-għan huwa li wieħed jaħdem kemm jista’ biex ma jasalx għal dawn in-numri allarmanti, anke jekk spjegat li l-Istati Uniti xorta waħda għandha tipprepara għal dik l-eventwalità.

Fi kliemha, din l-istatistika hija bbażata fuq il-fatt li mhux kulħadd, fl-Istati Uniti, qed jagħmel dak kollu possibbli biex inaqqas it-tixrid.

Bħalissa l-Istati Uniti għandha l-ogħla rata ta’ każijiet u tilfu ħajjithom ftit inqas minn 4,000 persuna.

“Nemmnu u nittamaw kuljum, li nistgħu nagħmlu aħjar,” insistiet Brix filwaqt li Anthony Fauci, il-Kap tad-Dipartiment kontra l-Ġlieda tal-Infezzjonijiet, insista li l-Amerka trid tkun realistika u tħejji lilha nnifisha. 

Anke l-President Trump ma tantx dam jomgħod il-kliem u saħaq li l-ħmistax li ġejjin se jkunu “iebsa ħafna ħafna,” anke għax l-Amerka mistennija tilħaq il-quċċata tal-kurva, bil-każijiet ġodda u anke mwiet mistennija jkomplu jikbru.

More in Barranin