Iħallu l-palazzi u t-titli biex jgħixu indipendenti; Iżda dan x’se jfisser għal Harry u Meghan?

Kien xokk għall-Familja Rjali u aktar għar-Renju Unit, iżda r-Reġina qalet li tirrispetta d-deċiżjoni tal-Prinċep Harry u Meghan Markle. Iżda x’għamlu eżatt? Xi jfisser għalihom? U għall-Familja Rjali? X’se jagħmlu b’ħajjithom?

Aħbarijiet internazzjonali jkollna kuljum. Elezzjoni f’dak il-pajjiż, skandlu f’ieħor, iżda jibqa’ l-fatt li għall-Maltin, dak li jiġri fir-Renju Unit jibqa’ importanti, b’mod partikolari dak li jiġri fil-Familja Rjali. Għal diversi, b’mod partikolari dawk kbar fl-età u li jiftakkru lir-Reġina Eliżabetta bħala r-Reġina ta’ Malta wkoll, il-familja Rjali Ingliża tibqa’ għal qalbhom.

Fil-fatt, waħda mill-aktar aħbarijiet internazzjonali li għamlet ħoss fl-aħħar jiem kienet dik dwar Harry, il-Prinċep xi ftit jew wisq fuq ruħu u xi drabi kontroversjali, u l-mara tiegħu Meghan Markle.

Iżda x’ġara eżatt u dan x’se jfisser għad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex? Il-Prinċep Harry u d-Dukessa ta’ Sussex għażlu minn jeddhom u milli jidher bi ftit jew wisq diskussjoni, li jaqtgħu lura mill-irwoli tal-familja Rjali u jibdew jgħixu ħajja aktar indipendenti billi jaqsmu l-ħin bejn ir-Renju Unit u l-Kanada.

Fil-fatt, id-Duka u d-Dukessa, li serqu qalb ir-Renju Unit u li ftit tax-xhur ilhom kellhom lil Archie, l-ewwel wild tagħhom, esprimew ix-xewqa li jibdew jaħdmu biex ikunu “finanzjarjament indipendenti.”

Esprimew ukoll ix-xewqa li jwaqqfu entità karitattiva, għalkemm dwar dan għadhom ma elaborawx ħafna.

Ir-Reġina kif ħadet din id-deċiżjoni?

Fi stqarrija, ir-Reġina Eliżabetta saħqet li kienet ilha xhur titkellem u tiddiskuti ma’ Harry u Meghan u flimkien laħqu triq ’il quddiem ‘kostruttiva’ għall-familja tan-neputi tagħha.

“Harry, Meghan u Archie se jibqgħu membri maħbuba ħafna tal-famija tiegħi,” saħqet ir-Reġina. “Nirrikonoxxi l-isfidi li esperjenzaw fl-aħħar sentejn, riżultat tal-iskrutinju intensiv u nappoġġja x-xewqa tagħhom li jgħixu ħajja aktar indipendenti.”

Filwaqt li rringrazzjathom tax-xogħol tagħhom fir-Renju Unit, fil-Commonwealth u lil hinn, saħqet li hija “kburija b’mod partikolari bil-mod kif Meghan integrat bħala waħda tal-familja.”

Dan minkejja li f’intervista, Meghan kienet qalet li sabitha diffiċli ħafna biex taddatta għall-istil ta’ ħajja ġdida.

X’kien il-ftehim milħuq?

Wara l-istqarrija tar-Reġina Eliżabetta, il-Palazz Buchingham ukoll ħareġ stqarrija li fiha spjega kif taħt “l-arranġament il-ġdid” id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex mhux se jkunu qed jieħdu sehem fl-attivitajiet irjali, inkluż f’ċerimonji militari uffiċjali.

Lanqas ma huma se jirċievu fondi pubbliċi għall-irwoli rjali. 

La Harry u wisq inqas Meghan ma jistgħu jibqgħu formalment jirrappreżentaw lir-Reġina, għalkemm saħqu li se jibqgħu jgħożżu u jħarsu l-valuri tagħha.

Qablu wkoll li jħallsu lura £2.4m (€2.8 miljun) għax-xogħlijiet li saru f’Frogmore Cottage li se tibqa’ r-residenza tagħhom fir-Renju Unit. Fil-fatt, biex iżommu din ir-residenza, il-koppja rjali se jibdew iħallsu l-kera, anke jekk sa issa għadu mhux magħruf kemm. 

Dan “il-mudell ġdid” jidħol fis-seħħ fir-rebbiegħa tal-2020.

Harry se jibqa’ Prinċep?

Waħda mill-mistoqsijiet l-aktar popolari bħalissa hija dwar jekk Harry hux se jibqa’ Prinċep. It-tweġiba hija iva, għax twieled Prinċep.

Madanakollu, Harry u Meghan mhux se jibqgħu jużaw it-titlu: His/Her Royal Highness. 

Harry u Meghan se jibqgħu sempliċiment jissejħu d-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex.

Harry se jibqa’ fil-linja tas-suċċessjoni?

Preżentament, il-Prinċep Harry huwa s-sitt persuna fil-lista tas-suċċessjoni, jiġifieri s-sitt eredi tat-Tron Ingliż.

Minkejja dan il-pass li ħa flimkien ma’ martu, Harry jibqa’ parti mill-Familja Rjali u għalhekk jibqa’ fil-lista tas-suċċessjoni.

Allura Harry u Meghan se jmorru jaħdmu?

Harry u Meghan esprimew ix-xewqa li jkunu “finanzjarjament indipendenti.” Dan ifisser li mhux se jibqgħu jirċievu fondi minn dak magħruf bħala s-Sovereign Grant (mit-taxxi tan-nies).

Madanakollu sa issa għadu mhux ċar x’se jkunu qed jagħmlu biex ikollhom dħul indipendenti. Lanqas għadu mhu magħruf minn se jkun qed iħallas għall-arranġamenti tas-sigurtà tagħhom. 

Esperti qed jisħqu li x’aktarx, id-dħul prinċipali tagħhom se jkun mill-kotba u t-televiżjoni, iżda dwar dan wieħed għad irid jara. 

Ovvjament, it-tnejn li huma għandhom il-flus tagħhom. Il-Prinċep William u l-Prinċep Harry kienu wirtu £13-il miljun (€15-il miljun) wara l-mewt ta’ ommhom il-Prinċipessa Diana u jingħad li Harry wiret xi wirta tajba wkoll mingħand il-bużnanna tiegħu, ir-Reġina Omm. 

Intqal ukoll li fil-karriera tagħha, Meghan kienet titħallas $50,000 (€44,000) għal kull episodju tas-serje popolari Suits. 

Apparti minn hekk, skont is-sit tad-Duka u d-Dukessa, is-sena li għaddiet, 95% tad-dħul tagħhom ma kienx ġej mit-taxxi tal-poplu iżda direttament mid-dħul li l-Prinċep Charles jagħmel minn dak magħruf bħala d-Duchy of Cornwall, jiġifieri mill-proprjetà u anke investimenti finanzjarji. 

Dan id-dħul jgħin biex jitħallsu ħafna mill-attivitajiet privati, uffiċjali u ta’ karità tal-Prinċep ta’ Wales u d-Dukessa ta’ Cornwall (Camilla) u anke dawk tad-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge u l-Prinċep Harry. Kien twaqqaf fl-1337 mir-Re Edward III biex jipprovdi dħul indipendenti għal ibnu u l-eredi, il-Prinċep Edward.

X’aktarx li xejn mhu se jżomm lil Harry milli jibqa’ jirċievi flus mingħand missieru.

Xogħolhom u posthom min se jieħdu?

Dan kollu jfisser aktar xogħol għall-bqija tal-familja rjali, speċjalment għad-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge, jiġifieri William u Kate.

Is-sena li għaddiet, Harry irrappreżenta lir-Reġina f’aktar minn 200 attività u Meghan attendiet għal 83 attività oħra.

Il-Prinċep Charles diġà qed jagħmel ħafna mix-xogħol li qabel kienet tagħmel ir-Reġina u d-Duka ta’ Edinburgh (il-Prinċep Philip – ir-raġel tar-Reġina) u l-Prinċep ta’ York (il-Prinċep tar-Reġina) irtiraw mill-ħajja pubblika, anke jekk għal raġunijiet diversi. 

B’kollox, is-sena li għaddiet, il-membri tal-familja Rjali attendew għal 3,500 attività.

Fejn se jkunu qed jgħixu l-Prinċep Harry u Meghan?

Anke jekk qalu li se jqassmu l-ħin bejn ir-Renju Unit u l-Amerka ta’ Fuq, il-Prinċep Harry u d-Dukessa ta’ Sussex mistennija jqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom fil-Kanada.

Fil-fatt, aktar kmieni din il-ġimgħa, Harry wasal f’Vancouver fejn iltaqa’ ma’ martu li jidher li diġà bdiet issib postha hekk kif dehret tippassiġġa bit-tifel u l-kelb. 

More in Barranin