Jirriżenja l-Gvern kollu Russu wara li Putin jipproponi bidla kbira fil-kostituzzjoni

Putin ppropona votazzjoni nazzjonali fuq dawn ir-riformi li fost oħrajn jistgħu jwasslu biex hu jkun jista’ jestendi ż-żmien tiegħu fil-poter

Il-Gvern kollu Russu rriżenja ftit wara li l-President Vladimir Putin ħabbar pjanijiet biex tinbidel il-kostituzzjoni.

Fil-fatt, Putin ppropona votazzjoni nazzjonali fuq dawn ir-riformi li fost oħrajn jistgħu jwasslu biex hu jkun jista’ jestendi ż-żmien tiegħu fil-poter.

Waqt id-diskors annwali fil-Parlament, Putin ippropona li waħda mill-kmamar tal-Parlament (State Duma) tingħata l-poter li tagħżel lill-Prim Ministru u anke rwoli oħra importanti fil-pajjiż.

Putin saħaq li dawn il-bidliet se jkunu qed jagħtu aktar poter lill-Parlament u anke jżidu l-indipendenza u r-responsabbilità tal-Prim Ministru.

Madanakollu, il-Prim Ministru Dmitry Medvedew, li dejjem ħadem spalla ma’ spalla ma’ Putin, insista li dawn il-bidliet u l-proposti se jkunu qed ibiddlu b’mod sinifikanti l-bilanċ tal-poter fil-pajjiż.

Medvedew ilu diversi snin Prim Ministru. Huwa serva bħala President bejn l-2008 u l-2012  qabel ma’ biddel l-irwol tiegħu ma’ Putin wara li temm it-tieni terminu tiegħu. 

“Meta introdotti, dawn il-bidliet, mhux biss se jintroduċu bidliet sostanzjali lill-artikli kollha tal-kostituzzjoni, iżda anke lill-bilanċ kollu tal-poter, il-poter tal-eżekuttiv, tal-leġislatura u tal-ġudikatura,” saħaq Medvedev.

More in Barranin