Iwissi li l-prezz taż-żejt jista' jisplodi jekk il-pajjiżi ma jiħdux passi kontra l-Iran

Il-Prinċep Mohammed bin Salman saħaq li nuqqas ta' azzjoni tista' tfisser gwerra bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran

L-eredi għat-Tron tal-Arabja Sawdija, il-Prinċep Mohammed bin Salman, wissa li jekk id-Dinja ma tiħux passi biex trażżan l-Iran, il-prezz taż-żejt jista’ jisplodi ‘l fuq.

Huwa qal dan f’intervista fuq CBS meta kien mistoqsi fuq l-aħħar kriżi bejn iż-żewġ pajjiżi, bil-prinċep jisħaq li l-aqwa soluzzjoni tkun waħda politika u mhux militari.

Bin Salman qiegħed isejjaħ għal azzjoni wara attakk fuq faċilitajiet taż-żejt aktar kmieni dan ix-xahar u li għalih, l-Arabja Sawdija qed iżżomm lill-Iran responsabbli.

Il-Prinċep saħaq li jekk ma titteħidx azzjoni kontra l-Iran, dan jista’ jwassal għal gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi, liema soluzzjoni jkollha impatt fuq l-ekonomija globali.

Tul l-istess intervista huwa ċaħad li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi, anke jekk saħaq li bħala mexxej, jieħu r-responsabbilità ta’ attakk simili.

Mistoqsi xi jrid jgħid b’dan, bin Salman saħaq li jrid jassigura li każ simili ma jerġax iseħħ waqt li insista li l-Arabja Sawdija tirrispetta d-dritt tal-espressjoni.

Khashoggi kien maqtul fl-Ambaxxata tal-Arabja Sawdija fit-Turkija, fit-2 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet.

More in Barranin