John Bercow 'iwiegħed' li mhux se jippermetti li Boris Johnson jikser il-liġi

Bercow ifakkar li Johnson huwa marbut bil-liġi li jitlob estensjoni għal Brexit, jekk sad-19 ta’ Ottubru l-Parlament ma japprovax ftehim

L-Ispeaker tal-Parlament Ingliż, John Bercow, saħaq li hemm ħafna x’jista’ jsir jekk Boris Johnson jinjora l-liġi li l-għan tagħha huwa li twaqqaf Brexit milli jseħħ mingħajr ftehim.

Bercow, li ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirriżenja fil-31 ta’ Ottubru, dakinhar stess li jseħħ Brexit, saħaq li l-Parlament Ingliż ivvota favur triq ‘il quddiem għal Brexit u li l-Prim Ministru ma jistax jinjora.

Liġi ġdida, li ġiet approvata qabel is-sospensjoni tal-Parlament, tisforza lill-Prim Ministru biex jitlob estensjoni għal Brexit, jekk sad-19 ta’ Ottubru l-Parlament Ingliż ma japprovax ftehim dwar Brexit.

Boris Johnson kemm-il darba saħaq li ma għandu l-ebda intenzjoni li jitlob estensjoni.

Waqt li kien qed jagħti lecture f’Londra, l-Ispeaker saħaq li jekk il-Prim Ministru ma jobdix il-liġi, bla dubju jkun qed jagħmel żball kbir u jagħti eżempju ħażin lill-kumplament tas-soċjetà.

“L-uniku forma ta’ Brexit li se jkollna, iseħħ meta jseħħ, se jkun Brexit li l-Parlament approva,” saħaq Bercow.

Insista li jekk dan ikun injorat hemm toroq oħra 'kreattivi' x'jittieħdu biex iwaqqfu lil Johnson milli jwassal lir-Renju Unit għal Brexit bla ftehim.

More in Barranin