Ir-raġuni tirbaħ! L-ILLUM tirbaħ libell kontra Alex Dalli

Dalli fetaħ libell fuq artiklu li fih eks gwardjan allega li ra lil Dalli jdaħħal arma tan-nar f'ħalq priġunier u jwissih bil-kliem: 'Jekk mhux se toqgħod ta' nies, din fuqek naħliha'

L-ILLUM tirbaħ libell li fetaħ il-Kurunell Alex Dalli, l-eks Direttur tal-ħabs, dwar artiklu li fih l-eks gwardjan Emmanuel Cassar stqarr illi ra lil Dalli jdaħħal arma tan-nar f’ħalq priġunier u jwissih bil-kliem: “Jekk mhux se toqgħod ta’ nies, din fuqek naħliha.” Il-Qorti sabet li r-rappurtaġġ tal-gazzetta u s-sit tal-ILLUM sar in buona fede u fl-interess tal-pubbliku u mhux malafamanti. 

Skont Cassar – li anke fil-konfront tiegħu Dalli fetaħ libell – qal li  l-istess kien seħħ darb’oħra meta Dalli poġġa l-arma tan-nar ma’ ras priġuniera. Jidher li din il-priġuniera, li tbati mill-ansjetà, ippanikjat meta rat il-gwardjani armati bit-tarek u bil-lembubi waqt waħda mill-ispezzjonijiet ordnati mid-Direttur tal-ħabs stess. 

Dalli issospenda lilu nnifsu bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi korrettivi (u għaldaqstant Direttur) f’Novembru tal-2021, wara pressjoni minn diversi organizzazzjonijiet li talbu għat-tkeċċijja immedjata tiegħu. Is-sospensjoni tiegħu ġiet mhux biss wara l-imġieba irrapurtata minn din il-gazzetta iżda minħabba l-fatt li fil-lejl ta’ qabel raġel indjan instab mejjet fiċ-ċella tiegħu, l-14-il vittma fi żmien it-tmexxija ta’ Dalli. Eventwalment is-sospensjoni ta’ Dalli saret uffiċjali xahar wara l-ewwel aħbar hekk kif intemmet inkjesta ministerjali li kien ordna l-Ministeru għall-Intern Bryon Camilleri dwar it-tmexxija tal-ħabs.

Aqra: Għaxar priġunieri qed jagħmlu strajk tal-ġuħ għax iridu lil Alex Dalli lura

Dak iż-żmien il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ sorsi oħra tagħha inkluż gwardjani tal-ħabs, li kkonfermaw dawn l-inċidenti u anke inċidenti oħra simili. Ikkonfermaw ukoll li qatt qabel Dalli ma kien hemm Direttur tal-ħabs li jżomm arma tan-nar fuqu, li s-siġġu tal-kastig (li wkoll kienet żvelat l-ILLUM) vera jeżisti u li fost affarijiet oħra, ħitan fil-ħabs qed jinżebgħu suwed. Persuni li jaħdmu mill-qrib mal-priġunieri wkoll ikkonfermaw uħud mid-dettalji.  

L-ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet kemm lid-Direttur tal-Ħabs stess u anke lill-Ministeru għall-Intern. L-ILLUM saħansitra stiednet ukoll lil Dalli għal intervista biex jingħata ċans iwieġeb dawn il-mistoqsijiet. Minkejja dan, Dalli u lanqas il-Ministeru qatt ma wieġbu dawn il-mistoqsijiet.

Dalli fetaħ libell lill-eks ġurnalist tal-ILLUM Yendrick Cioffi, lill-eks editur Albert Gauci Cunningham u lid-Direttur tal-MediaToday Saviour Balzan

Aqra wkoll: ‘Hawn ġew jien Alla... Isir biss dak li ngħid jien’ – Alex Dalli lill-priġunieri u lill-gwardjani

Intant il-gazzetta oħt MaltaToday illum ukoll rebħet il-libell miftuħ mill-istess Dalli dwar dak li stqarr priġunier mal-gazzetta, jiġifieri li Alfred Bugeja, magħruf aħjar bħala l-porporina għamel 45 minuta sfurzat fuq is-siġġut tal-kastig, liema allegazzjonijiet ġew miċħuda mill-eks direttur minkejja numru ta' sorsi li kkonfermaw mal-MaltaToday li rawh quddiem għajnejhom. 

Dalli, li għamel libell lill-ġurnalist tal-Malta Today qal illi ħassu aggravat bl-allegazzjoni li Alfred Bugeja il-Porporina kien intrabat fuq ordnijiet tiegħu fiċ-ċentru tas-sala prinċipali fil-ħabs, kif ukoll bl-asserzjoni li dan kien qed isir sistematikament bħala forma ta’ kastig u umiljazzjoni tal-priġunieri u jisħaq illi l-imputazzjoni li tinsilet minn dawn l-istqarrijiet hi li huwa responsabbli ta’ aġir abbużiv. Huwa qal illi safa fil-mira ta' attakki ripetuti fil-midja fejn ġie allegat limexa b'aġir abbużiv fil-kariga tiegħu ta' Direttur. Afferma madankollu li jeżisti restraint chair li jintuza biex jikkalma xi priġunier li jkun f'pożizzjoni li jweġġa' lilu nnifsu jew lil xi ħaddieħor u stqarr li fil-ħabs inevitabbilment jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn iridu jittieħdu miżuri ta' kontroll. 

More in Qrati u Pulizija