Jisirqu Porche biex ibiegħuha għad-droga

Erbat irġiel u tfajla ta’ sittax-il sena ġew mixlija fil-Qorti bis-serq tal-karozza lussuża ta’ missier it-tfajla stess, tal-għamla Porsche Cayenne SUV • Spettur jispjega kif biegħu l-Porche għad-droga

Erbat irġiel u tfajla ta’ sittax-il sena ġew mixlija fil-Qorti bis-serq tal-karozza lussuża ta’ missier it-tfajla stess, tal-għamla Porsche Cayenne SUV.

It-tfajla wieġbet ħatja għal kull akkuża miġjuba kontriha mill-Ispettur Lydon Zammit u Stephen Gulia.

Huma xlew lit-tfajla, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li serqet il-karozza u li ffrodat lil missierha.

L-avukati tat-tfajla hawn talbu li titqiegħed taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja sakemm jitlesta rapport qabel l-għoti tas-sentenza.

Il-qorti ordnat li l-proċeduri jgħaddu quddiem il-qorti tal-minorenni għall-fatt li t-tfajla għandha inqas minn 17-il sena.

Min-naħa l-oħra, il-qorti laqgħet it-talba tad-difiża mmexxija mill-Avukat Jose’ Herrera u Martina Herrera biex it-tfajla tingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000.

Hija ordnat ukoll lit-tfajla biex ma tkellem lil ebda vittma, bl-eċċezzjoni ta’ missierha u li tiffirma l-għassa tal-pulizija.

Aktar tard il-pulizija xliet ukoll lil Luis Maxin Kunzel ta’ 24 sena mill-Ġermanja, lil Luke Vella ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, lil Dillon Gatt ta’ 19-il sena u lil Mohammed Mohammed Ali, Sirjan ta’ 23 sena li żammew għandhom oġġetti misruqa u serqu wkoll flus kontanti.

Huma ġew mixlija wkoll li żammew persuni kontra r-rieda tagħha, li serqu pjanċi ta’ karozza, li serqu karozza lussuża mill-Mellieħa, li ffrodaw lis-sid aktar minn €5,000 b’karta ta’ kreditu, b’għadd ta’ attentati ta’ serqiet bl-armi minn ħwienet f’Santa Venera, f’Ħal Qormi u f’Birkirkirkara u bi traffikar u pussess ta’ kannabis.

Wara sensiela ta’ rapporti, il-Pulizija waslet biex tidentifika lil Louis Maxin Kunzel wara li nqabad juża karta ta’ kreditu misruqa.

Aktar tard il-Pulizija arrestat lill-kompliċi tiegħu, b’wieħed minnhom ġie identifikat għax naqas milli jgħatti wiċċu.

L-ispettur spjega wkoll li l-akkużati kienu biegħu l-Porche għad-droga. Il-karozza wara nstabet fil-garaxx ta’ Luke Vella.

Huma qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom ħlief għal Gatt li wieġeb ħati tal-akkużi kontrih.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tal-akkużi fosthom traffikar ta’ droga u għall-fatt ukoll li wħud mill-akkużati jinsabu barra bil-ħelsien mill-arrest. Il-qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà ta’ każ u biża’ ta’ tbagħbis ta’ provi.

More in Qrati u Pulizija