'Hawn ġew jien Alla ... Isir biss dak li ngħid jien' - Alex Dalli lill-priġunieri u lill-gwardjani

Sorsi mill-ħabs ikomplu jikxfu mal-gazzetta ILLUM dak li għaddej wara l-bibien tal-ħabs u kif mhux mal-priġunieri biss isiru l-preferenzi iżda anke mal-gwardjani

“Hawn ġew jien Alla. Isir dak li ngħid jien.” Dan allegatament huwa kliem id-Direttur tal-ħabs Alex Dalli, kliem li ma jgħidux biss lill-priġunieri imma anke lill-gwardjani tal-ħabs li “mhumiex tal-qalba.”

Hekk qalulna sorsi viċin il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li l-gazzetta ILLUM tkellmet magħhom matul din il-ġimgħa wara li fl-aħħar ġimgħat u xhur ħarġu ħafna stejjer dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, inkluż dwar it-tmexxija tal-ħabs.

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM iddeskrivew il-kampanja ta’ biża’ li d-Direttur Alex Dalli u anke dawk ta’ madwaru jmexxu biha l-ħabs, liema informazzjoni ġiet ikkonfermata wkoll minn persuni li jaħdmu mill-qrib mal-priġunieri.

“Jimxi fil-kurituri tal-ħabs armat bl-arma tan-nar. Joħroġ fil-bitħa u jispara fuq il-ħamiem. Ir-raġel miġnun,” qalulna s-sorsi. Anke din l-informazzjoni, il-gazzetta ILLUM irnexxielha tikkonfermaha ma’ persuni li jkollhom kuntatt regolari mal-priġunieri.

“Il-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn,” qalulna l-istess sorsi.

X’hemm f’Diviżjoni 6?

Komplew jgħidulna kif mhux biss mal-priġunieri hemm il-preferenzi, imma anke mal-gwardjani stess.

“Hemm gwardjani li huma tal-qalba u oħrajn le. Lil dawk tal-qalba mhux se tismagħhom jgħidu kelma ħażina kontra Dalli għax ma jaqbillhomx,” komplew jgħidulna.

Tant u hekk li hemm gwardjani li ma jitħallewx jidħlu f’ċertu partijiet tal-ħabs, inkluż il-famuża Diviżjoni 6, li donnu saret il-mimmi ta’ għajnejn Alex Dalli. 

“Ovvjament biex ma jkunux jafu x’hemm,” komplew is-sorsi.

Din id-Diviżjoni hija l-aktar waħda li tinżamm taħt sigurtà stretta. Bażikament hija ħabs f’ħabs ieħor u l-post fejn il-priġunieri jinżammu f’iżolament.

Kull priġunier li jasal il-ħabs qed jiddaħħal minnufih f’iżolament f’din id-Diviżjoni. Skont Dalli stess, dan qed isir biex il-priġunieri l-ġodda jagħmlu żmien ta’ kwarantina minħabba l-pandemija.

Mhux Dalli biss il-problema...

Iżda jidher li mhux Dalli biss “huwa l-problema,” bis-sorsi jsemmu wkoll lill-assistent tiegħu Randolph Spiteri li wkoll għandu gwardjani tal-qalba u oħrajn li mhumiex.

“Tmur quddiemu b’CV biex tapplika għal xi promotion u jispiċċa jidħaq bik, iqattagħha quddiemek u jgħidlek li lanqas biss imissek applikajt. L-umiljazzjoni saret il-ħajja ta’ hawn ġew,” komplew jisħqu. “Jekk mhux tal-qalba, għid li lilek biss se jibagħtu għassa mal-priġunieri jekk ikollhom bżonn imorru l-isptar. Jagħmlu minn kollox biex idejquk. Il-problema mhuwiex Dalli stess imma anke ta’ madwaru! Il-problema t-tmexxija.”

Uniformijiet ‘bi drapp tal-purtieri’

Ħafna aktar informazzjoni li kisbet l-ILLUM mingħand dawn is-sorsi hija informazzjoni li dwarha ilna nisimgħu u li t-tmexxija tal-ħabs qatt ma ċaħdet.

Fost dawn il-famuż siġġu tal-kastig li kienet żvelat ukoll din l-istess gazzetta u li jintuża sempliċiment biex jumilja lill-priġunieri. Semmew ukoll il-ħitan li qed jinżebgħu suwed, li wkoll kitbet dwarhom din il-gazzetta u “kastigi” oħra li l-priġunieri qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom kontinwament.

“Ikollhom il-ħwejjeġ minxura. Jekk ma jneħħuhomx fil-ħin, anke żewġ minuti tard, ineħħuhomlom u jarmuhom,” insistew. 

Irreferew ukoll għall-uniformijiet il-ġodda li Dalli għamel għall-priġunieri kollha. “Il-materjal huwa tal-qamel. Qisu tal-plastik. Drapp kważi tal-purtieri. Fis-sħana joqtlok.”

Minkejja dawn l-allegazzjonijiet, l-aħbarijiet xokkanti u anke tlettax-il mewta fi tliet snin, il-Gvern qed jibqa’ jiddefendi lil Alex Dalli u t-tmexxija tiegħu, bil-Ministru għall-Intern Byron Camilleri jisħaq li “se jieħu d-deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fatti.”

Wara l-aħħar mewta fil-ħabs, il-Ministeru għall-intern waqqaf bord ta’ inkjesta li se jkun qed jevalwa l-proċeduri interni fil-ħabs u anke jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. 

Il-bord twaqqaf fid-9 ta’ Awwissu u ngħata ċans 60 ġurnata biex jippreżenta r-rapport tiegħu. Dan ifisser li r-rapport irid ikun f’idejn il-Ministru aktar tard dan ix-xahar. 

L-aħbarijiet mill-ħabs u l-imwiet waslu wkoll biex il-Professur Andrew Azzopardi u anke l-ġurnalist u l-attivist Peppi Azzopardi, jippreżentaw 100 proposta għall-ħabs.

Fost il-proposti hemm dawk biex titneħħa immedjatament it-tmexxija tal-ħabs u anke biex tiġi investigata l-imġiba tad-Direttur. Ipproponew ukoll li l-bini tal-ħabs jingħalaq kollu fi żmien sentejn u tinbena faċilità ġdida aktar moderna, b’aktar spazju u arja u anke biex ikun hemm Ombudsman għall-ħabs. 

Skiet minn Alex Dalli...

Intant il-gazzetta ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lid-Direttur Alex Dalli, liema sett ta’ mistoqsijiet bagħtithom ukoll lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Sakemm morna għall-pubblikazzjoni bqajna ma tweġiba.

Il-mistoqsijiet mibgħuta lil Dalli kienu dawn:

  1. Sorsi mill-ħabs qalulna li inti kontinwament timxi fil-kurituri tal-ħabs armat b’arma tan-nar? Tikkonferma dan? Taħseb li dan huwa neċessarju? 
  2. Qalulna wkoll li ta’ sikwit, toħroġ fil-bitħa u tispara fuq il-ħamiem? Tikkonferma dan?
  3. Huwa minnu li fuq struzzjonijiet tiegħek, hemm ħitan fil-ħabs li qed jinżebgħu suwed? Għaliex tajt din l-istruzzjoni? 
  4. Minnu li l-priġunieri jispiċċaw b’kastig għal kull ħaġa ta’ xejn? Pereżempju minnu li jekk jonxru u ma jneħħux il-ħwejjeġ fil-ħin, dawn taqbdu u tarmuhom? 
  5. Kull gwardjan tal-ħabs, għandu aċċess għall-bnadi kollha tal-Faċilità? Huwa minnu li hemm gwardjani li ma jitħallew qatt jidħlu f’Diviżjoni 6? 
  6. Ma taħsibx li għandek terfa’ responsabbilità għall-imwiet li seħħew fil-ħabs fi żmien kemm ilek tmexxih?

Il-gazzetta ILLUM se tibqa’ tinsisti li jkollha tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.

More in Politika