'Beħsiebni nagħmel dak kollu possibbli sabiex it-tim ta’ San Ġiljan jimxi dejjem aktar 'il quddiem'
Silvio Borg - manager ta' San Ġiljan ASC li fil-passat rebaħ bosta unuri mal-istess tim bħala plejer u li għandu l-għan ewlieni li jagħmel l-istess f'din il-kariga ġdida li qed jokkupa

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Jien minn San Ġiljan u l-familja tiegħi kienet tinżel ta’ spiss fil-pitch ta’ San Giljan u għalhekk kienet xi ħaġa naturali li nsir inħobb dan l-isport daqshekk sabiħ. Kelli zijiet bħal Karm Borg u Anġlu Tonna (il-'buu six') li kienu jilagħbu ma' San Ġiljan fil-passat u jien, flimkien ma' xi kuġini oħra wkoll bdejna nilagħbu dan l-isport ma' dan il-klabb.
Ħafna partitarji Ġiljaniżi jsemmu dak il-famuż kampjonat tal-1992 fejn int tajt sehmek sabiex jasal dan l-unur. X’tiftakar?
Dak il-kampjonat kien l-aħħar wieħed li ntlagħab fil-pixxina ta’ Marsaskala. Kien wieħed storiku għalina minħabba li konna ilna ma nieħdu dan it-titlu għal 26 sena. Kellna tim tajjeb ħafna bi plejers li akkwistajna minn klabbs oħra bħall-aħwa Dowling u Aldo Scerri mħalltin ma' numru ta' plejers Ġiljaniżi. Fil-verità dik is-sena ma kellna l-ebda aspirazzjoni li nieħdu l-kampjonat iżda wara rebħiet li għamilna b’mod partikolari dik kontra Neptunes bl-iskor ta’ 13-3, bdejna nikkonvinċu ruħna li kellna materjal biex nagħmluha. Id-draw ta’ 6-6 fl-aħħar logħba kontra Sliema kien dak li għamilna Champions u niftakar b’mod partikolari lil Nicky Giordano jiskorja doppjetta importanti ferm u l-partitarji li kienu fis-seba’ sema għal dan is-suċċess li konna ksibna. Qatt ma rajt daqshekk nies il-klabb ta' San Ġiljan daqs dakinhar wara l-logħba.
Intom komplejtu żżommu l-konsistenza meta għamiltu akkwist siewi f’Simenc. Fl-istess waqt kontu tim b’qawwa kbira.
Iva fil-fatt konna ħadna l-kompetizzjoni Knock-Out fl-1993 meta kellna lil Igor Milanovic li kien wieħed mill-aqwa plejers ta' kull żmien u mill-ġdid il-kampjonat fl-1994. Ma' Simenc fl-1995 konna ħadna kull unur li joffri l-waterpolo lokali. Għamilna 32 logħba bla telfa u kien rekord li dam għaddej mill-1994 sal-bidu tal-1996. Kien żmien sabiħ ħafna għall-klabb ta' San Ġiljan.
Min kienu t-timijiet l-oħra li lgħabt magħhom wara San Ġiljan?
Wara l-esperjenza li kelli ma’ San Ġiljan, lgħabt ma’ Exiles u Neptunes. Lill-klabb ta' Exiles nikkunsidrah bħala t-tieni dar tiegħi wara San Ġiljan, mingħajr ma nneħħi xejn mir-rispett li għandi lejn in-Neptunes. Kuntent ukoll li l-aħħar sentejn tal-karriera tiegħi lgħabthom ma' San Ġiljan. Kienet xi ħaġa sabiħa li nispiċċa nilgħab mal-klabb li nħobb.
X’emozzjonijiet ħassejt meta lgħabt kontra San Ġiljan?
Mhux faċli tilgħab kontra San Ġiljan speċjalment meta tkun Ġiljaniż pur. Iżda meta tkun fl-ilma xogħlok hu li tirbaħ u f’dawk il-minuti tinsa kollox u tagħti l-aħjar tiegħek mat-tim li tilgħab miegħu.
Kellek xi mumenti fejn lgħabt mat-tim nazzjonali hux hekk?
Iva kelli l-unur li nilgħab għal Malta għalkemm mhux b’mod regolari. Dak iż-żmien kien hemm Dirk Dowling bħala kowċ tan-nazzjonal u plejers tajbin ħafna bħal Jonathan Valletta, John Paris, Pawlu Privitera, Charlie Zammit u Niki Lanzon li kien għadu żgħir imma diġà kien plejer kbir.
Liema kien l-aqwa plejer li qatt lgħabt miegħu?
Ma nistax ma nsemmix lill-istess Dirk Dowling. Għalija dan kien l-iktar bniedem importanti fil-karriera tiegħi u għallimni ħafna minn dak li naf illum fuq il-logħba tal-waterpolo.
U l-iktar avversarju li tak battikata?
L-iktar avversarju li kien iħabbatni bla dubju kien Pierre Borg, li llum il-ġurnata qed imexxi lil Birżebbuġa. Kien plejer b’saħħtu ħafna. Anki John Paris kien diffiċli ħafna biex timmarkah fis-centre.
U min kien l-iktar plejer barrani li bqajt tiftakar u li lgħabt miegħu?
Bla dubju Dudo Simenc. Kien plejer inkredibbli u kellu l-aqwa xutt li qatt rajna hawn Malta. Kellu karattru partikolari u kien jobgħod jitlef anke jekk kien jilgħab logħba billiard biex jieħu pjaċir. Rajnieh ikisser l-istikka tal-billiard mhux darba jew tnejn meta jitlef. Aħna ovvjament konna nidħku narawh jagħmel hekk però allaħares tigi taħt idejh f’dawk il-mumenti!
Int kont ukoll plejer u kowċ tal-handball ma’ Kavallieri hux hekk?
Iva għamilt żmien nilgħab u nikkowċja mal-Kavallieri. Il-handball hu sport li jogħġobni wkoll u bdejt nilagħbu wara li rtirajt mill-waterpolo għax bdejt inħoss in-nuqqas tal-kompetizzjoni fl-isport. Li mmur nilgħab futbol 5-a-side mal-ħbieb ma kienx biżżejjed - kelli bżonn il-kompetizzjoni.
X’inhi d-differenza li tara bejn dawn iż-żewġ dixxiplini?
Għalkemm iż-żewġ dixxiplini jintlagħbu bil-ballun u bl-idejn, huma żewġ dixxiplini kompletament differenti. Jien ma stajtx inkun tajjeb ħafna fil-handball għax bdejtu ta’ età kbira, però bħala kowċ kienet iktar faċli għalija u ħadt ħafna sodisfazzjon personali fis-snin li kont parti minn dan l-isport.
U x’inhi d-differenza bejn li tkun plejer u li tkun kowċ?
Meta tkun plejer int taħseb fik innifsek sa ċertu punt filwaqt li tagħti l-aqwa tiegħek għall-ġid tat-tim li tkun miegħu. Bħala kowċ għandek ħafna aktar responsabbiltajiet u trid taħseb ħafna iktar.
Meta offrewlek li tokkupa l-kariga ta’ team manager ma’ San Ġiljan kif ħadtha?
Għalija kienet sorpriża kbira meta ċempluli San Ġiljan għax kont ili maqtugħ mill-waterpolo b’mod attiv għal għaxar snin. Issa ninsab f’dan ir-rwol ta’ team manager u beħsiebni nagħmel dak kollu possibbli sabiex it-tim ta’ San Ġiljan jimxi dejjem aktar ’il quddiem. Ma tantx domt naħsibha sabiex naċċetta din il-kariga għax huwa rwol li hu addattat ħafna għall-kapaċitajiet u l-karatteristiċi tiegħi.
Meta ma kontx involut fil-waterpolo, kont qed issegwi x’kien qed jiġri?
Iva, għalkemm ma kontx nattendi l-logħob kollu, lil San Ġiljan kont qed insegwihom speċjalment f’dawn l-aħħar snin meta dejjem kienu kompetittivi għar-rebħ tal-unuri. Kont naf x’kien qed jiġri u meta mmur nara l-logħob, kont inħobb noqgħod waħdi u nosserva kollox.
Sibt ukoll kumitat ġdid bil-president Peter Bonavia. Kemm titkellem miegħu?
Lil Peter kont nafu qabel minħabba li lgħabna flimkien fil-Masters Tournament. Issa li sar president qed nitkellmu aktar ta’ spiss. Għandi relazzjoni tajba miegħu u nieħu pjaċir naħdem ma’ dan il-bniedem. Il-kumitat kollu jinsab magħqud għal għan wieħed - dak li nkomplu nikbru u nirbħu kemm jista' jkun unuri.
Xi tgħidli dwar il-kowċ Dorian Pisani?
Lil Dorian ma tantx kont nafu sew għax dejjem lgħabna kontra xulxin. Issa li qed insir nafu aħjar nifhem għaliex San Ġiljan għażlu lilu bħala kowċ tat-tim tal-kbar. Jaf il-logħba tajjeb ħafna u jaf kif għandu jaħdem b’mod psikoloġiku mal-plejers. Inħossni komdu ħafna naħdem miegħu għax naraw l-affarijiet b’mod simili ħafna. Jien lil Dorian Pisani nqisu bħala kowċ barrani li jaf jitkellem bil-Malti!
Kellek iċ-ċans tkellem lill-persuna li kellu l-istess irwol qablek?
Il-kariga ta’ team manager hi waħda ġdida għal dan il-klabb sa ċertu punt għax qabel kien membru tal-kumitat li kien jagħmel dan ir-rwol u dan kien Alfredo Spiteri De Barro. Alfredo għadu fil-kumitat però jaħdem ħafna viċin tiegħi u tat-tim.
Naf li plejer minn tagħkom Matthew Zammit bħalissa qed jilgħab ma’ Palermo. Kemm taħseb li se jitgħallem dan il-plejer minn din l-esperjenza?
Nemmen li qed tiswieh ħafna anke għax qed jilgħab f’wieħed mill-aqwa kampjonati fid-dinja. Il-plejers li qed jilgħab kemm magħhom kif ukoll kontrihom huma ta’ livell għoli ferm. Mhuwiex faċli tgħix waħdek u 'l bogħod mill-familja kif qed jagħmel Matthew bħalissa, però aħna nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex ninkoraġġuh u ngħinuh għax nafu li din l-esperjenza fil-kampjonat Taljan hija l-konsakrazzjoni tat-talent enormi li għandu dan il-plejer.
Kemm huma importanti l-plejers żgħażagħ ma’ San Ġiljan?
Huma importanti ħafna għall-klabb tagħna. Il-kowċ Dorian Pisani nista' ngħidlek minn issa li għandu l-kuraġġ meħtieġ li se jilgħab lil min ikun ħaqqu, anke jekk dan ikun żagħżugħ li m’għandux l-esperjenza ta' plejers oħra. Fit-tim ta' San Ġiljan bħalissa, Dino Zammit, hu wieħed mill-iktar plejers kbar li għandna u għad għandu biss 25 sena. Il-bqija huma kollha plejers żgħar li bdejna nintroduċuhom ftit ftit. Dorian u jien ukoll qed inħarsu mill-qrib lejn it-talenti li ħerġin min-nursery sabiex bil-mod il-mod jibdew jidħlu dejjem aktar fit-tim tal-kbar.
Kemm hi b’saħħitha n-nursery ta’ San Ġiljan?
In-nursery tagħna hi b’saħħitha daqs hafna oħrajn. Trid tqis li fiż-żona tagħna hemm klabbs oħra bħal Neptunes, Exiles u Sliema wkoll. Il-klabb taghna qed jinvesti f’kowċis barranin bil-għan li jiżviluppaw it-talent taż-żgħażagħ tagħna u jrawmuhom b’ċerti ħiliet bażiċi li huma importanti għal dan l-isport.
Kif taħseb li se jintegraw il-barranin Christian Presciutti u Petar Muslim mat-tim?
Jien għadni ma nafhomx personalment. Dawn kienu żewġ barranin li Dorian Pisani riedhom b’saħħa. Il-kumitat ra kif għamel u kkuntenta lill-kowċ.
Kemm taqbel mal-idea ta’ żewġ plejers barranin f’tim tal-waterpolo?
Din l-idea tista’ taqbel jew ma taqbilx magħha. Il-livell hu aktar għoli b’żewġ barranin u l-Maltin jistgħu jitgħallmu aktar. Min-naħa l-oħra, ċerti plejers Maltin ikollhom inqas ċans jilagħbu meta tim ikollu żewġ barranin. Meta tqis kollox naħseb li żewġ barranin huma importanti għalkemm il-kompetizzjoni bejn il-klabbs tant hija kbira li qed jintefqu ħafna flus biex jiġu wħud mill-aqwa plejers fid-dinja.
Is-sagrifiċċji kollha li qed nagħmlu huma l-ewwel u qabel kollow bien naraw lill-partitarji ta’ San Ġiljan kuntenti u kburin bil-klabb li tant għandhom għal qalbhom"
X’taħseb dwar il-fatt li għandna pixxina waħda bit-timijiet li qed igergru minħabba n-nuqqas ta’ spazju u ħin qasir?
Din il-biċċa tax-xogħol hi waħda skomda. Is-sessjoni ta' taħriġ ma tkunx twila kif tixtieq int minħabba li trid timxi mal-ħin allokat. Hemm klabbs li għandhom il-pixxina tagħhom bħal Neptunes u Birżebbuġa u issa dalwaqt Sirens. L-għan tagħna hu li jkollna pixxina tagħna aħna wkoll u nispera li dan iseħħ fiż-żmien mhux 'il bogħod.
Taħseb li hemm bżonn ta’ pixxina indoor?
Bħalissa kif kulħadd jaf qed tinbena waħda fil-Kottonera. Nemmen li importanti li jkollna pixxina indoor speċjalment biex elementi ta’ maltemp u kesħa ma jaffettwawx iktar. Il-waterpolo kompetittiv fl-Ewropa kollha jintlagħab f’pixxini indoor u ma narax għalfejn Malta, li tant inġibu riżultati tajbin f’kompetizzjonijiet internazzjonali, m’għandux ikollna l-istess faċilitajiet.
L-unika pressjoni li nħoss mhix relatata mar-responsabbilitajiet tiegħi però mal-fatt li jien irrid dejjem nirbaħ u nobgħod meta nitlef"
Fl-istess waqt tal-ingaġġ tiegħek, tliftu persuni importanti bħal Carlo Mifsud u Dr Daniel Aquilina. X’taħseb?
Dr Daniel Aquilina spiċċa mill-kariga ta' president minħabba raġunijiet familjari u l-ħatra ta’ Carlo Mifsud fi ħdan l-ASA hi ta' gwadann għall-waterpolo lokali. Bħala klabb żgur li qed inħossu ħafna n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ persuni validi ferm però n-nies li ħadulhom posthom huma wkoll validissimi.
Tħoss xi tip ta’ pressjoni u responsabbiltà minħabba l-fatt li trid tiddixxiplina lil xi plejers jekk ikun hemm bżonn?
Fejn ikun hemm bżonn ikolli nidħol f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ dixxiplina għalkemm nemmen li l-plejers tagħna huma kollha maturi u responsabbli. Bħala kariga jien se nkun qisni pont bejn il-plejers, il-kowċ u l-kumitat. L-unika pressjoni li nħoss mhix relatata mar-responsabiltajiet tiegħi però mal-fatt li jien irrid dejjem nirbaħ u nobgħod meta nitlef. Din hija waħda mill-affarijiet li Dorian Pisani u jien għandna simili ħafna fil-karattru tagħna.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lill-partitarji Ġiljaniżi li dejjem ikunu bi ħġarhom jattendu għal-logħbiet tagħkom.
Is-sagrifiċċji kollha li qed nagħmlu huma l-ewwel u qabel kollow bien naraw lill-partitarji ta’ San Ġiljan kuntenti u kburin bil-klabb li tant għandhom għal qalbhom. Bħala plejers, kowċ, physio, team manager u kumitat qed naħdmu ħafna sabiex l-aspettattivi tagħna u tal-partitarji numerużi li għandna jsiru realtà dan is-sajf u fis-snin li ġejjin. Viva San Ġiljan!