'Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn lgħabt kontra plejers li fil-futur se jkunu fost l-aqwa fid-dinja'
Jake Bonavia - talent żagħżugħ fil-waterpolo lokali fejn jilgħab ma' San Ġiljan ASC u mat-tim nazzjonali ta' taħt is-17-il sena. Fil-jiem li għaddew kien wieħed mill-aqwa plejers għal pajjiżna speċjalment bil-gowls importanti li skorja waqt il-Kampjonati Ewropej ta' taħt is-17-il sena li saru fi Tbilisi f'Georgia.
Jake Bonavia - talent żagħżugħ fil-waterpolo lokali fejn jilgħab ma' San Ġiljan ASC u mat-tim nazzjonali ta' taħt is-17-il sena. Fil-jiem li għaddew kien wieħed mill-aqwa plejers għal pajjiżna speċjalment bil-gowls importanti li skorja waqt il-Kampjonati Ewropej ta' taħt is-17-il sena li saru fi Tbilisi f'Georgia.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Meta kelli tmien snin kont qiegħed nara lil tfal oħra qed jagħmlu t-taħriġ u lili għoġobni u għalhekk inżilt nilgħab magħhom.
Bil-mod il-mod bdejt nitħarreġ u iktar ma għadda żmien iktar għoġobni l-waterpolo u għalhekk illum wasalt fejn wasalt.
X'tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom titħarrġu u tilagħbu f'Malta?
Ovvjament fejn ir-riżorsi ta' barra minn Malta, il-pixxina tagħna ma tantx tikkompeti magħhom u għalhekk dejjem tista' tkun aħjar. Kif nafu kulm'hawn pixxina waħda u l-klabbs kollha jridu jitħarrġu hemmhekk u allura t-taħriġ kulma jdum siegħa u kwart fejn klabbs ta' barra jitħarrġu madwar tliet sigħat kuljum.
X'sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejer tal-waterpolo?
Meta tkun plejer tal-waterpolo, trid tagħmel ħafna sagrifiċċji. Għandek taħriġ darbtejn kuljum jew aktar, trid tlaħħaq mal-istudju wkoll, ma tistax ma torqodx ħin biżżejjed biex tistrieħ u għalhekk ħafna mill-plejers tal-età bejn it-18 u l-20 sena jieqfu għax ma jkunux iridu jagħmlu dawn is-sagrifiċċji.
Kif tiddeskrivi dan l-istaġun tiegħek ma' San Ġiljan kemm għalik personali u anki bħala tim?
L-istaġun tiegħi ma' San Ġiljan din is-sena s'issa kien wieħed tajjeb u impenjattiv. Qiegħed niġi magħżul mat-tim tal-kbar b'mod regolari issa u jien vera ferħan b'dan u speċjalment li nitħarreġ ma' plejers barranin ta' kwalità, kif ukoll mal-aqwa plejers fix-xena lokali.
Ovvjament nilgħab ukoll mat-tim tal-U17 kif ukoll ma' dak tal-U20 li sejrin tajjeb fil-kampjonat.
Bħala tim tal-kbar issa fadlilna nilagħbu l-play-offs u jien ċert li ħa mmorru tajjeb f'dawn il- logħob li ġejjin.
Iddeskrivi l-esperjenza li kellkom flimkien mat-tim nazzjonali ta' taħt is-17-il sena f'Cagliari.
L-esperjenza li kellna f'Cagliari mat-tim nazzjonali Malti kienet waħda mill-aħjar għaliex aħna lgħabna mal-aqwa timijiet ta' daqsna li hawn fl-Ewropa, bħall-Italja, il-Montenegro, Spanja u oħrajn. Rajna x'għandna bżonn nagħmlu biex intejbu u nilħqu l-livell ta' dawn it-timjiet kif ukoll rajna kontra min ħa nilagħbu u ma’ min stajna niltaqgħu f'Georgia għall-European Championships.
X'tikkummenta fuq it-tragward storiku li ksibtu fil-Kampjonati Ewropej ġewwa Tbilisi f'Georgia?
Il-Georgia aħna ġejna bl-iskop li nirbħu kontra t-Turkija fil-grupp ħalli niksbu t-12-il post żgur u li tkun xi ħaġa storika għal Malta. L-ewwel logħba kienet kontra l-Italja u huma wrew il-livell tagħhom kontrina meta rebħulna 20-4. It tieni partita kienet kontra t-Turkija fejn aħna spiċċajna bl-iskor ta' 12-8 u hemmhekk aħna ġibna li ridna. Dik il-logħba aħna żammejna l- livell tagħna u dejjem konna qed nirbħu fejn l-aħħar sessjoni kienet waħda importanti ħafna għalina fejn irbaħna bl-iskor ta' 2-0. Min-naħa l-oħra, kontra r-Russja aħna wrejna li tassew nistgħu nilagħbu ma' kulħadd. Għalkemm aħna l-aħħar sessjoni dħalna nitilfu 12-8 aħna skurjana erba' gowls f'erba' minuti imma mbagħad tlifna l-logħba meta skurjawlna żewġ gowls fl-aħħar. Għalija din kienet esperjenza mill-isbaħ fejn lgħabt kontra plejers li fil-futur se jkunu fost l-aqwa fid-dinja. Kienet ukoll esperjenza li tgħallimt ħafna minnha.
Taqbel mas-sistema tal-play-offs?
Le, jiena ma naqbilx mal-play-offs għalkemm din is-sena ġiet favur it-tim ta' San Ġiljan.
Ma naqbilx għaliex fl-opinjoni tiegħi, kampjonat jintrebaħ mit-tim li jkollu l-aħjar staġun u mhux minn dak li jkollu l-aħħar ftit logħob tajbin.
Tixtieq u tqis li fil-futur tissejjaħ mill-kowċ Karl Izzo biex imbagħad tifforma parti mit-tim nazzjonali Malti?
Jien naħseb li għal kull plejer li jitħarreġ fil-waterpolo, ix-xewqa tiegħu tkun li jifforma parti mit-tim nazzjonali.
Fil-futur, jien nixtieq li jkolli din l-opportunità imma naħseb li għad irrid naħdem iktar.
Għaddi messaġġ lil dawk it tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil- waterpolo.
Il-waterpolo huwa sport interessanti ħafna li żgur ħa jogħġobkom, jagħmel ħafna ġid kemm fiżikament kif ukoll mentalment, għaliex tkun qed titħarreġ minn kowċis mill-aħjar u anke ma' plejers mill-aqwa.