'Fil-ħajja ma trid taqta' qalbek qatt' - Luke Grech
Luke Grech - fost l-aqwa plejers li pproduċa l-futbol Malti f'dawn l-aħħar snin u li huwa plejer ferm importanti ta' Tarxien Rainbows.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont ta’ età żgħira. Missieri Marco Grech - eks player ta’ Ħamrun Spartans kien dejjem jeħodna miegħu għal xi sessjonijiet ta' taħriġ u allura bla ma trid tibda tħobb il-logħba. Bdejt fin-nursery ta’ Sliema Wanderers u komplejt ma’ dik ta' Ħamrun Spartans.
X'tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti tiegħek ma' Tarxien Rainbows?
Fl-aħħar żewġ staġuni kont qiegħed misluf lil Tarxien Rainbows mingħand Ħamrun Spartans. Fl-ewwel staġun l-iskwadra kienet prattikament komposta minn ftit plejers ta’ esperjenza, oħrajn żgħażagħ li xtaqu jiksbu esperjenza fil-Premier u xi barranin bi ftit esperjenza fil-kampjonat tagħna. L-ewwel parti tal-istaġun kienet diffiċli ħafna iżda bi ftit irtokki f’Jannar irnexxielna nilagħbu play-off kontra Zejtun Corinthians u rnexxielna nirbħu bi skor ta’ 1-0. It-tieni staġun kien wieħed b’aspettattivi ħafna ikbar. L-iskwadra ssaħħet bi plejers barranin ta’ livell u Maltin ta’ esperjenza fil-kampjonat Malti.
Nitkellmu dwar l-aħħar staġun ta' Tarxien Rainbows. X’taħseb dwar dak kollu li urejtu matul l-aħħar staġun?
Kien stagun bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Nemmen li f’ċerti mumenti stajna urejna ħafna iktar kontinwità u bi ftit organizzazzjoni kollettiva stajna niġbru ferm iktar punti. Iżda meta tikkunsidra d-diffikultajiet li għaddejna minnhom nemmen li xorta għandna nkunu sodisfatti li rnexxielna nżommu lill-klabb fil-Premier League b’kumdità.
Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?
Fil-bidu nammetti li kont xi ftit xettikudawr dan, iżda meta tqis li dawn l-aħħar żewġ staġuni, il-Kampjonat baqa' jkun missielet sal-aħħar ġurnata, kemm fir-rebħ tat-titlu, post fil-kompetizzjonijiet Ewropej kif ukoll fir-relegazzjoni, wieħed jista' jikkonferma li kull tim qiegħed ikun kompetittiv.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?
F’kull kampjonat fid-dinja tara differenza bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt. Impossibli li jkun hemm bilanċ assolut bejn 14-il tim. Wieħed ma jridx jinsa l-baġits li kull klabb ikollu allokat.
Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?
Le. Il-kampjonat Malti għandu jibqa' vetrina għat-talent Malti.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Il-mentalità trid tinbidel jekk irridu li l-livell jogħla. Sfortunament, tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet fejn plejer barrani jilgħab flok dak Malti għax ikun ta’ nazzjon differenti mhux għax ikollu livell aħjar. Iżda nemmen li fl-aħħar staġuni, ġew numru konsiderevoli ta’ barranin b’livell tajjeb li jista' jagħmel il-kampjonat tagħna ta’ livell aħjar.
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?
Kemm Ta’ Qali kif ukoll Kordin huma żewġ grawnds ta’ livell tajjeb. Il-grawnds sintetiċi għandhom jixxarrbu qabel partiti biex nevitaw ħafna injuries li sfortunament diġà seħħew fil-passat.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?
Il-kontroll tar-referis kien wieħed sodisfaċenti.
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Plejer irid jitħarreġ b’intensità ta' kuljum bla waqfien f’festi, Ħdud u fil-maltemp.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?
Il-ħinijiet tax-xogħol tiegħi jagħmluha faċli biex inkun nista' nattendi għal kull partita u sessjoni ta’ taħriġ.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Qiegħed inħares lejn il-futur b’ottimiżmu. Wara sentejn ma’ Tarxien Rainbows qiegħed inħares lejn il-futur b’kalma u ninsab ippreparat għal kull eventwalità. Il-prijorità tiegħi tibqa' dik li nerġa' nilgħab fl-ogħla livell tal-futbol Malti.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.
Fil-ħajja ma trid taqta' qalbek qatt. Ikun hemm mumenti diffiċli fejn tibda taħsibha tkomplix iżda trid tibqa' tippersisti bit-taħriġ, tħares 'il quddiem u fl-aħħar mill-aħħar tilħaq l-objettivi tiegħek.