Meta attakkant ta’ 38 sena spiċċa l-aqwa scorer tas-Serie A fl-Italja
Li l-futbol Taljan jinsab fi kriżi huwa fatt magħruf. Iżda li attakkant ta’ 38 sena bl-isem ta’ Luca Toni kien se jispiċċa fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers tal-Kampjonat Taljan Serie A TIM, kienet xi ħaġa li żgur li ħadd ma stenna fil-bidu ta’ dan l-istaġun.
Dan hekk kif huwa skorja l-ammont ta’ 22 gowl biex għeleb l-isfida ta’ plejer iżgħar minnu fl-età u ta’ klassi superjuri, bl-isem ta’ Carlos Tevez ta’ Juventus li temm fit-tieni post tal-gradwatorja b’20 gowl.
Huwa ntlaħaq fil-quċċata tal-lista, mill-attakkant prolifiku Arġentin tal-Inter, Mauro Icardi, nhar il-Ħadd filgħaxija permezz tad-doppjetta personali li skorja fir-rebħa ta’ 4-3 ta’ Inter fuq Empoli fis-San Siro, bis-seba’ goals li huma fil-logħba jiġu skurjati kollha fit-tieni taqsima.
Il-kuntratt ta’ Toni ma’ Verona ntemm ftit tal-jiem ilu, u se jkun biss matul il-jiem li ġejjin li se jkun qed jitħabbar jekk l-attakkant prolifiku Taljan hux se jkun qed iġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Verona. Dan fost rapporti li dehru fil-media matul il-ġimgħat li għaddew li huwa seta’ jibda avventura ġdida fil-kontinent tal-Awstralja billi jingħaqad mal-klabb li jimmilita fl-A-League, Adelaide United.
Dan hekk kif jidher li dan il-klabb irid jirrepeti s-suċċess ta’ Sydney FC, meta ffirmaw lil-leġġenda Juventina, Alessandro Del Piero, fl-istaġun 2012-13, fejn huwa lagħab magħhom għal żewġ staġuni sħaħ.
Luca Toni skorja l-ammont inkredibbli ta’ 41 gowl bil-flokk ta’ Hellas Verona fl-aħħar żewġ staġuni, wara li ngħaqad ma’ dan il-klabb mingħand Fiorentina.
Intant, bosta qed isemmu li Toni jista’ tabilħaqq jerġa’ jirritorna jilgħab bil-flokk tat-tim nazzjonali Taljan, wara bosta żmien, iżda jidher li Antonio Conte, mhux mistenni jsejjaħ lil Toni fl-iskwadra Azzurra, speċjalment minħabba l-età ta’ Toni, kif ukoll minħabba l-fatt li hemm bosta iktar plejers żgħażagħ li qed jattiraw l-għajn tal-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan.
Il-Karriera ta’ Luca Toni: Statistika
Snin Tim Dehriet Gowls
1994–1996 Modena 32 7
1996–1997 Empoli 3 1
1997–1998 Fiorenzuola 26 2
1998–1999 Lodigiani 31 15
1999–2000 Treviso 35 15
2000–2001 Vicenza 31 9
2001–2003 Brescia 44 15
2003–2005 Palermo 80 50
2005–2007 Fiorentina 67 47
2007–2010 Bayern Munich 60 38
2009 Bayern Munich II 2 0
2010 Roma (b’self) 15 5
2010–2011 Genoa 16 3
2011–2012 Juventus 14 2
2012 Al Nasr 7 3
2012–2013 Fiorentina 27 8
2013– Verona 72 42
Tim Nazzjonali Taljan
2004–2009 Italja 47 16
Unuri li rebaħ Luca Toni tul il-karriera tiegħu:
Ma’ Palermo:
- Serie B: 2003–04
Ma’ Bayern Munich
- Bundesliga: 2007–08
- DFB-Pokal: 2007–08
- DFB-Ligapokal: 2007
Mat-Tim Nazzjonali Taljan
- Tazza tad-Dinja tal-2006
Unuri Individwali
- L-Aqwa Skorer tas-Serie A: 2005–06, 2014-15
- L-Aqwa Skorer tas-Serie B: 2003–04
- L-Aqwa Skorer tal-Bundesliga fil-Ġermanja: 2007–08
- L-Aqwa Skorer tat-Tazza UEFA: 2007–08
- Ballun tal-Fidda: 2005–06
- Guerin d’Oro: 2006
- European Golden Shoe: 2005–06
- FIFA World Cup All-Star Team: 2006
L-ewwel 5 Plejers ikklasifikati fil-lista tal-aqwa skorers fil-Kampjonat Serie A TIM fl-Italja fl-istaġun 2014/15:
Pożizzjoni Plejer Gowls Tim
1 Luca Toni 22 Verona
Mauro Icardi 22 Inter
2 Carlos Tévez 20 Juventus
3 Gonzalo Higuaín 18 Napoli
4 Jérémy Menez 16 AC Milan
5 Manolo Gabbiadini 15 Napoli
Domenico Berardi 15 Sassuolo