Sepp Blatter ħabbar li se jirriżenja
Se jsejjaħ kungress straordinarju biex jilħaq is-suċċessur tiegħu
Wara li Sepp Blatter rebaħ l-elezzjoni biex ikun fl-ogħla siġġu tal-Football, President tal-FIFA, ħabbar li se jċedi npostu u se jsejjaħ kungress straordinarju biex jilħaq is-suċċessur tiegħu.
Blatter qal li hu jgħożż il-FIFA aktar minn kollox u jixtieq biss ġid għal-logħba tal-Football u tal-FIFA. "Ħassejt li kelli nerġa nikkontesta l-elezzjoni għax nemmen li hekk kien hemm bżonn għall-organizazzjoni. Dik l-elezzjoni issa lesta iżda l-isfidi tal-FIFA m'humiex. FIFA għandha bżonn qala sew minn taħt.
"Għalkemm għandi mandat mill-membri tal-FIFA biex nibqa president inħoss li m'għġandix mandat mid-dinja kollha tal-Football - il-partitarji, il-clubs, u n-nies li jgħixu u jħobbu l-Football daqs kemm inħobbuh aħna fil-FIFA. Għalhekk iddeċidejt li nċedi l-mandat tiegħi waqt kungress elettiv straordinarju. Sa dak iż-żmien se nibqa mmexxi l-FIFA u se niffoka biex ikun hemm riformi fundamentali."
Il-President tal-UEFA Michel Platini, li talab lil Blatter biex jirriżenja qabel l-elezzjoni qal "kienet deċiżjoni diffiċli, deċiżjoni ta' kuraġġ u l-aħjar deċiżjoni."