Eto’o jirċievi unur għall-ħidma tiegħu kontra r-razziżmu

Il-plejer mill-Cameroon u li ftit tal-jiem ilu skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Sampdoria rċieva unur speċjali għall-ħidma tiegħu li jagħmel kontra r-razziżmu. 

Huwa ġie ppreżentat bil-Medalja Ewropea tat-Tolleranza mill-President tal-Kunsill Ewropew fuq it-Tolleranza, Dr Moshe Kantor. Waqt diskors li għamel wara li rċieva dan l-unur Eto’o semma b’mod partikolari l-inċident li seħħ fuq tren matul ix-xahar li għadda f’Pariġi fejn partitarji ta’ Chelsea ma ħallewx partitarju ta’ ġilda skura jitla’ fuq it-tren magħhom. 

Huwa saħaq li l-filmat  ta’ sorveljanza ta’ dan l-episodju kien tassew ixxukkjah u b’hekk saħaq li jixtieq li jkun hemm iktar kastigi ħorox għal min jagħmel atti razzjali kemm fil-ground kif ukoll barra minnu. Chelsea ssospendew ħames partitarji wara dan l-inċident f’Pariġi iżda Eto’o, li għandu 34 sena, u li fl-istaġun 2013-14 kien jilgħab ma’ Chelsea u għalhekk jaf sew l-ambjent fi Stamford Bridge, afferma dawn il-ħames partitarji bl-ebda mod ma jirrappreżentaw jew huma riflessivi tal-partitarji kollha ta’ Chelsea. 

L-attakkant prolifiku ta’ Sampdoria għadda minn esperjenzi ta’ razziżmu lura fl-2006 meta kien jilgħab ma’ Barcelona fi Spanja, fejn saħansitra kien wissa li kien se jħalli l-grawnd li kieku komplew jinstemgħu ħsejjes marbuta max-xaduni kull darba li huwa kien imiss il-ballun. Barra minn hekk, meta l-istess plejer kien jilgħab ma’ Inter fl-Italja, ir-referee kien waqqaf il-logħba bejn in-Nerazzurri u Cagliari meta partitarji tat-team mill-kapitali ta’ Sardinja kienu qed ikantaw kori razzisti. Eto’o għandu CV partikolari hekk kif huwa rebaħ xejn inqas minn tliet edizzjonijiet tal-UEFA Champions League, waqt li lagħab ukoll ma’ Real Madrid, Anzi Makhachkala u Everton. 

Hekk kif huwa għandu esperjenza tal-ambjent kalċistiku fir-Russja wara li kien jilgħab ma’ Anzhi huwa saħaq li ma jemminx li t-Tazza tad-Dinja tal-2018 li se ssir f’dan il-pajjiż Ewropew se tkun milquta mir-razziżmu. Dan hekk kif huwa tenna li l-esperjenza tiegħu jilgħab fir-Russja kienet saħansitra l-isbaħ waħda tul il-karriera glorjuża tiegħu fil-football. Huwa kkonkluda li fforma impressjoni ferm tajba ta’ dan il-pajjiż u tal-futbol fi ħdanu. 

More in Sports