“Ma nistax nemmen li għadda dan iż-żmien kollu mill-ewwel logħba li lgħabt” – Dorianne Theuma
Ftit tal-jiem ilu l-plejer femminili tal-futbol, Dorianne Theuma – bla dubju waħda mill-aqwa futbolers nisa li pproduċa l-futbol Malti fil-kategorija tan-nisa f’kull żmien, laħqet ammont ferm sabiħ ta’ 300 logħba fil-karriera tagħha.
Hija għamlet din fir-rebħa kbira ta’ 6-2 kontra Mġarr United fejn ukoll irnexxielha tiskorja żewġ gowls mill-isbaħ. Fil-karriera mill-aqwa tagħha hija lagħbet 210 logħba ma’ Hibernians u 90 logħba ma’ Mosta. Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Dorianne Theuma nnifisha fejn tatna dawn il-kummenti:
“Ma nistax nemmen li għadda dan iż-żmien kollu mill-ewwel logħba li lgħabt. Ninsab kuntenta ħafna li lħaqt dan it-tragward u nispera li nkompli nżid iktar. Nirringrazzja lill-plejers u lill-kowċis kollha li kelli l-opportunità li nilgħab magħhom matul dan iż-żmien kollu fejn bis-saħħa tagħhom irnexxieli nirbaħ ukoll ċerti unuri.
Statistika – Dorianne Theuma
Iddebuttat fil-kampjonat femminili Malti ma’ Hibernians fl-istaġun 1997/98, fejn lagħbet sal-istagun 2007/08.
Bejn l-istaġun 2008/09 u 2012/13 lagħbet ma’ Mosta fejn reġgħet ingħaqdet ma’ Hibernians fl-istaġun 2013/14.
Ma’ Hibernians lagħbet 209 logħba fejn skurjat 217 –il gowl b’medja ta’ 1.04 kull logħba.
Ma’ Mosta lagħbet 90 logħba u skurjat 95 gowl b’medja ta’ 1.06 kull logħba.
Nhar it-Tlieta 20 ta’ Jannar 2015 lagħbet it-300 logħba tagħha kontra Mġarr United fejn niżlet isimha darbtejn fost l-iskorers fir-rebħa ta’ 6-2.
Mat-Tim Nazzjonali tan-Nisa, ddebbutat kontra r-Rumanija fl-10 ta’ Awwissu tal-2003 fejn lagħbet 56 logħba u skurjat 15 –il gowl.
Unuri li rebħet Dorianne Theuma matul il-karriera mill-aqwa tagħha:
Kampjonat : 11 –il darba
1998/99 – 2005/06, 2007/08, 2010/11 u 2013/14
Knock-Out: 4 darbiet
2001/01, 2003/04, 2005/06 u 2011/12
Super Cup: 6 darbiet
2006/07, 2007/08, 2009/10, 2011/12-2013/14
Plejer tas-Sena: 6 darbiet
2002/03, 2008/09-2010/11, 2012/13 u 2013/14
Top Skorer: 6 darbiet
2001/02-2003/04, 2005/06, 2007/08-2008/09
F’dawn it-300 logħba apparti l-unuri hawn fuq imsemmija, Dorianne Theuma, irnexxielha wkoll tiskorja 14-il darba, 4 gowls f’logħba waħda u 21 hat-trick.