Danica Bonello Spiteri ttemm staġun mill-aqwa fit-triathlon

Bonello Spiteri ħadet sehem fl-ewwel ‘cross triathlon’ internazzjonali tagħha, fil-Ġermanja

Danica Bonello Spiteri fil-Hawaii
Danica Bonello Spiteri fil-Hawaii

L-atleta Danica Bonello Spiteri, għadha kif temmet staġun mill-aqwa fit-triathlon, bl-aħħar tellieqa li ħaditha n-naħa l-oħra tad-dinja. Kelli l-opportunità niltaqa’ magħha biex ittini rendikont ta’ din il-kompetizzjoni ferm interessanti.

F’Awwissu li għadda, Bonello Spiteri ħadet sehem fl-ewwel ‘cross triathlon’ internazzjonali tagħha, fil-Ġermanja. Din tinkludi għawma ta’ 1.5km, 30km bir-rota mountain bike fuq terran ‘off road’, u tispicca b’10km ġirja ‘off road’ ukoll. Din hija tip ta’ triathlon li qed issir iktar u iktar popolari m’atleti li qed ifittxu iktar tlielaq iebsin. Bonello Spiteri ħadet sehem f’din it-tip ta’ tellieqa biex idduq xi ħaġa differenti fil-qasam tat-triathlon. Spiċċat li rebħet il-kategorija tagħha l-Ġermanja, allura kkwalifikat biex tikkompeti fil-Kampjonat Mondjali tal-‘Xterra’, fil-gżira ta Maui, l-Hawaii.

“Inizjalment kont dħalt għall-‘cross triathlon’ bħala tip ta’ tellieqa iktar iebsa u biex nieħu gost, iżda meta sirt naf li rbaħt il-kategorija tiegħi, skoprejt ukoll b’dan il-Kampjonat Mondjali li jsir f’Maui. Tgħallimt ukoll li hemm kompetizzjoni ferm qawwija biex tikseb din l-opportunità, allura meta ndunajt b’dak li rnexxieli nagħmel, ħadt l-okkażjoni u ddeċidejt li ntellaq f’Maui, avolja kelli nivvjaġġa n-naħa l-oħra tad-dinja” temmet tgħid Bonello Spiteri, b’ċertu ħerqa fil-vuċi tagħha.

X’laqtek l-ewwel kif wasalt fuq il-post fejn saret it-tellieqa, f’Maui?

Kif tasal fuq il-post, tinduna bl-isbuħija tal-pajjiż u kemm in-nies lokali jieħdu ħsieb in-natura u dak li għandhom. Hemm ħafna sbuħija u dan għen biex tittella’ tellieqa ferm interessanti minn kull aspett.  Fil-ġranet ta’ qabel ma wasalt kienet għamlet ħafna xita, allura kien hemm ħafna tajn fuq ir-rotta tar-rota. Dan fisser li kien hemm postijiet fejn it-tajn tant weħel mar-rota li kellna nieqfu nneħħu t-tajn minn mar-rota. Filwaqt li f’postijiet oħra, fit-tlajja, tant kien hemm żlieq li kellna ninżlu u nimbuttaw ir-rota għax kien impossibbli biex taqdef. Fortunatament, sakemm waslet il-ġurnata tat-tellieqa, x-xemx nixfet ħafna minn dan it-tajn, allura għamilha ftit iktar faċli għall-atleti. 

Il-baħar kien ostaklu ieħor. Sirt naf li l-ilma hu sħun, u jattira l-kelb il-baħar, u kien hemm inċident fil-ġimgħa ta’ qabel, iżda fuq bajja oħra. Bżajt ftit, iżda rraġunajt li jekk hemm elf atleta fil-baħar, il-kelb il-baħar se jibża’ u jaħrab post ieħor. Il-bajja ta’ DT Fleming hija wkoll magħrufa għall-mewġ kbir li jaħkimha u avżawna biex nippruvaw ngħumu fihom qabel il-ġurnata tat-tellieqa. Fortunatament, jien imdorrija fil-baħar u l-mewġ qawwi ma jbeżżagħnix. Iżda t-tip ta’ mewġ li hemm fil-Hawaii huma famużi għas-‘surfing’, allura dawn kienu ikbar minn kull tip ta’ mewġ li kont rajt qabel f’ħajti! Għamilt kuraġġ u nżilt nitħarreġ, iżda kien hemm ċertu mewġa li tant kaxkritni taħtha li lanqas kont naf fejn hu fuq jew isfel għal xi sekonda jew tnejn, u blajt ħafna ilma baħar. Iżda f’moħħi kont ċerta li kont se naffaċċja dan il-mewġ bħal kull atleta oħra.

Lanqas kont naf fejn hu fuq jew isfel għal xi sekonda jew tnejn, u blajt ħafna ilma baħar

Kif żvolġiet it-tellieqa?

Fil-ġurnata tat-tellieqa kont motivata ħafna li nagħmel l-aħjar li nista’. Kien hemm it-tberik tal-Hawaii għall-atleti qabel ma bdejna, imbagħad telqu l-irġiel. Kif telqu kien hemm mewġa enormi, li reġgħet kaxkrithom lura lejn il-bajja. Iżda kont naf li l-mewġ tal-lum kienu ferm inqas minn tal-ġranet ta’ qabel, u dan għamilli ħafna kuraġġ. Kien hemm kurrent qawwi fil-bajja wkoll, u avżawna minn qabel, allura qgħadt attenta ħafna għad-direzzjoni li fiha kelli ngħum. Ħriġt mill-ilma s-sitt mara overall, u l-ewwel fil-kategorija tiegħi. Fis-sezzjoni tar-rota kont naf li din hija fejn l-iktar li se nitlef il-ħin, peressli l-mountain bike offroad m’huwiex il-forte tiegħi u għad irrid nitgħallem ħafna kif insuqha sew. L-ewwel tmien kilometri kienu telgħa waħda, kollha tajn u żlieq, u domt xi 50 minuta f’din is-sezzjoni. Fil-bqija tar-rota kien hemm ħafna tidwir, inżul fuq blat jiżloq, tajn, tlajja’ oħra u ostakli oħra li għamluha interessanti ħafna. Iżda s’hawnhekk kont waqajt diversi pożizzjonijiet fil-kategorija tiegħi u kont naf li kelli niġri ħafna fl-aħħar fażi tat-tellieqa. Il-ġirja ta’ 10 kilometri kienet bażikament telgħa ta’ 5km u niżla ta’ 5km. Kien hemm it-tajn u żlieq ukoll, u saħansitra kellna naqbżu minn fuq siġar, ngħaddu ġo xmajjar żgħar u ħafna tidwir qawwi. Dan it-tip ta’ terran bil-ġiri huwa l-forte tiegħi, speċjalment meta wieħed ikollu ż-żarbun addattat għal din it-tip ta’ ġirja. Kont naf li stajt navvanza ħafna fil-ġirja u għaddejt ħafna atleti, kemm irġiel u nisa. Saqajja ħassew l-istrapazz tar-rota ta’ qabel u batejt bil-bugħawwieġ li s-soltu qatt ma nbati bihom. Xorta rnexxieli nagħmel waħda mill-aħjar ġirjiet tan-nisa kollha, iżda finalment kelli nikkuntenta bil-ħames post fil-kategorija tiegħi sal-aħħar tat-tellieqa, b’ħin ta’ 3 sigħat u 42 minuta.

Xi pjanijiet għandek għall-futur wara din l-esperjenza tiegħek fil-Hawaii?

Tgħallimt ħafna b’din l-esperjenza u ndunajt li l-cross triathlon hija ferm iktar diffiċli minn triathlon li normalment issir fit-triq. Naħseb kienet l-iktar triathlon iebsa li qatt għamilt f’ħajti, kemm bit-tip ta’ rotta, kif ukoll l-elementi – tajn u sħana fost oħrajn. 

Iżda din hija tip ta’ tellieqa li għoġbitni ħafna u naħseb li nista’ mmur ħafna iktar aħjar fiha, iżda rrid niddedika iktar ħin ta’ taħriġ fuq il-mountain bike, speċjalment fuq it-teknika ta’ kif tirkeb ir-rota fit-tlajja u nżul.

Għalissa, l-istaġun 2014 spiċċa hawnhekk u se nieħu xi erba’ ġimgħat ta’ mistrieħ fejn ma nagħmel l-ebda tip ta’ taħriġ, ħalli nistrieħ sew. F’dan iż-żmien nispiċċa nqatta’ ħafna iktar ħin fuq l-aħħar teżi li rrid inlesti, kif ukoll fuq ix-xogħol u l-istudju tiegħi, li issa waslu fl-aħħar xhur. Fil-bidu tas-sena 2015 nerġa’ nibda t-taħriġ u nippjana t-tlielaq li se nieħu sehem fihom, iżda għalissa għadu kmieni wisq biex niddeċiedi eżatt x’se nagħmel fl-2015.

Nixtieq nagħlaq ukoll billi nsemmi lil Ecco Sports tal-King Shoe Shops li kienu l-isponsors ewlenin tiegħi biex nattendi dan il-Kampjonat Mondjali. Id-diretturi Zammit La Rosa raw li f’Malta hemm potenzjal qawwi fl-isport tal-‘Cross triathlon’ kif ukoll ‘trail running’, għax f’Malta għandna dan it-terran li hu aċċessibbli għal kulħadd. Iż-żraben tal-Ecco, Biom shoes, sibthom addattati ħafna għat-terran off road, u b’dan il-mod, id-diretturi Zammit La Rosa qed jgħinu lill-atleti Maltin, kif ukoll jgħinu biex itejbu l-livell tal-isport Malti. Nirringrazzja wkoll lil Buff Malta headwear kif ukoll lil BBB bike parts, li jgħinuni bil-prodotti tagħhom fit-taħriġ kif ukoll fit-tlielaq tiegħi. U l-aħħar grazzi tmur lejn ir-raġel tiegħi, Etienne Bonello, li dejjem ikun hemm lest biex jgħinni biex jien nikkompeti bl-aħjar mod li nista’.

More in Sports