Naxxar Lions jiksbu rebħa kbira kontra Pietà Hotspurs
Naxxar 4 - 0 Pietà
Naxxar Lions kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Pietà Hotspurs. Tajjeb ngħidu li din kienet l-ewwel rebħa tal-istaġun għal Naxxar Lions li issa jinsabu punt wieħed biss taħt l-istess Pietà Hotspurs. Madankollu huma għadhom qed jokkupaw it-tieni post mill-aħħar fil-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier.
Huma marru fil-vantaġġ eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn throw-in ta’ Eminike, Ibok Edet għadda bir-ras lejn Daren Falzon li għeleb lil David Cassar permezz ta’ daqqa ta’ ras oħra. Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Uchenna Emenike Mbachu kkonkluda ġirja tajba fuq ix-xellug permezz ta’ xutt b’saħħtu angulat li għeleb lil David Cassar meta ħafna kienu qed jistennew kross mill-istess plejer.
Naxxar Lions komplew ikabbru l-marġni tal-iskor fid-79 minuta meta minn kross tal-BOV Plejer tal-Logħba Emenike, is-sostitut Terence Vella, li kien għadu kemm ħa post Pape Gueye, tefa’ ġewwa mill-viċin. Tliet minuti biss wara, Uchenne Emenike Mbachu ssiġġilla r-rebħa Naxxarija permezz tar-raba’ gowl għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri, meta kkonkluda ġirja oħra tajba permezz ta’ xutt angulat minn ġewwa l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Pietà Hotspurs, David Cassar.
Naxxar L. - Azzopardi, Buhagiar, Cassar, Da Silva Ribeiro, Del Negro (Bellia 66’), Edet, Mbachy Eminike, Falzon, Farga Nevy Da Silva (Doffo 17’), Gueye (Vella 78’), Scicluna
Pietà H. - D. Cassar, C. Cassar (Micallef 60’), Grech, Fortunato Dos Santos (Licari 78’), Pisani, Tasic (Frances 56’), Attard, Rodrigues Da Silva, Cesare, Joao Da Silva, Xavier Zacarias
Referi Trustin Farrugia Cann
Uchenna Emenike Mbachu
Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti
Twieled f’Lagos fin-Niġerja fil-21 ta’ Mejju 1989
Huwa wieħed mid-diversi akkwisti li għamlu Naxxar Lions matul dan l-istaġun