ASMK f’Għawdex b’risq il-Fondazzjoni Arka

Shaun Buttigieg li spiċċa fit-tielet post fil-kampjonat FIM Super Street
Shaun Buttigieg li spiċċa fit-tielet post fil-kampjonat FIM Super Street

Fi tmiem din il-ġimgħa, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) tinsab fis-Sannat Għawdex bil-Karozzi tal-Autocross. Din l-attività sponsorjata minn ASMK u Pasta Poiatti hija t-tieni waħda mill-programm ta’ attivitajiet tas-sajf 2014 tal-ASMK. Dan il-programm qed jittella’ prinċiparjament biex jinġabru fondi għall-‘Fondazzjoni Arka’ li tagħmel ħafna xogħol mar-residenti tagħha f’Għawdex u biex aktar nesponu dan il-motorsport tal-Autocross fost l-ispettaturi Għawdxin speċjalment dawk li jsibu diffikultà jinżlu f’Ta Qali, Malta.

Il-korsa temporanja qed tkun mibnija minn xi membri tal-ASMK fuq għalqa kbira qabel din tiġi ppreparata għall-wiċċ u prodott ġdid fl-istaġun li ġej. Din fiha spazju biżżejjed għal din l-attività bil-karozzi Autocross. Dan kollu huwa possibbli bil-koperazzjoni sħiħa ta’ sid l-għalqa u l-ġirien tiegħu. Il-Ministru għal Għawdex qed jappoġġja din l-attività flimkien mal-Kunsilli Lokali tas-Sannat, tal-Victoria u tax-Xewkija. L-ASMK irringrazzjat ukoll lill-Korp tal-Pulizija f’Għawdex, lill-familja ta’ Joe Apap u ħafna kollaboraturi oħra Għawdxin li kollha qed jagħtu s-sehem tagħhom biex din l-attività tkun possibbli u tkun suċċess.

Ilbieraħ kmieni waranofsinhar saru l-ewwel provi mis-sewwieqa Maltin u Għawdxin fuq il-korsa fi Triq is-Sannat waqt li t-tiġrijiet tal-lum bdew kmieni filgħodu u mistennija jibqgħu sejrin sa waranofsinhar. Il-kompetituri u spettaturi mistennija jagħtu donazzjoni li se tmur b’risq il-Fondazzjoni Arka. Il-premjazzjoni lir-rebbieħa ssir fuq il-post fi tmiem il-programm minn persuni distinti. Waqt li qed isir dan ix-xogħol l-ASMK qed tieħu ħsieb li tirranġa l-korsa tal-Motocross fil-limiti tan-Nadur.

Intant, membri tal-ASMK nhar is-Sibt 6 ta’ Settembru wettqu ġurnata xogħol volontarju fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Membri tal-Eżekuttiv, xi sewwieqa u uffiċjali oħra għamlu diversi xogħlijiet manwali u wkoll xogħol kbir bil-gaffa u dumper fost xogħol ieħor fil-ġonna u fid-Dar tal-Providenza. Saret ukoll manutenzjoni ferm meħtieġa f’waħda mill-vaski li hemm fil-ġonna, tindif bil-gaffa ta’ wesgħat kbar ta’ art u ħafna xogħol ta’ tikħil u tibjid ta’ diversi sezzjonijiet fil-partijiet tar-residenti fid-dar.

Intant, nagħtu ħarsa lejn l-aħħar attivitajiet minn membri tal-ASMK. F’dawn l-aħħar ġranet rajna lil Shawn Buttigieg u Luke Farrugia jikkompetu bil-muturi SuperStreet fil-kampjonat FIM-Europe li sar f’diversi pajjiżi fl-Ewropa. Il-Malti Shawn Buttigieg spiċċa fit-tielet post fil-kampjonat fost madwar 30 kompetitur. Dan ir-riżultat rebħu minkejja li Shawn ikkompeta l-ewwel darba f’kampjonat tant presiġjuż u l-ewwel darba li kkompeta barra minn xtutna. Shawn huwa parti mit-Team Malti Kalanċ Drag Racing li rebaħ l-ogħla unuri fil-klassi TMD flimkien mat-tim Malti ieħor ta’ Mr Whippy.

F’dawn il-ġranet li ġejjin 3 membri tal-Motocross tal-ASMK se jkomplu jikkompetu fil-Kampjonat Reġjonali FMI-Sicilia 2014. Din id-darba t-tiġrija Motocross se ssir fil-korsa ‘Hi-Fly’ – Lentini – fil-Provinċja ta’ Siracusa. Barra l-ispejjeż li normali jidħlu fihom dawn is-sewwieqa Maltin biex jikkompetu fil-Kampjonati barra minn xtutna, dawn jeħtieġu wkoll taħriġ u preparazzjoni kemm fiżika, personali u wkoll tal-vetturi tat-tiġrija. Aktar attivitajiet tal-ASMK f’Malta u barra minn xtutna mistennija jkomplu fix-xhur li ġejjin.

More in Sports