Leighton Grech jirritorna bil-kbir ma’ Birkirkara

Wara li fl-aħħar staġun lagħab ma’ Qormi, matul dan l-istaġun il-plejer żagħżugħ Leighton Grech reġa’ rritorna ma’ Birkirkara

Bidu mill-aqwa għal Leighton Grech ma’ Birkirkara
Bidu mill-aqwa għal Leighton Grech ma’ Birkirkara

Wara li fl-aħħar staġun lagħab ma’ Qormi, matul dan l-istaġun il-plejer żagħżugħ Leighton Grech reġa’ rritorna ma’ Birkirkara – u għamel dan bil-kbir meta fit-tieni logħba li kien impenjat fiha, f’liema logħba l-Istripes umiljaw lil Żebbuġ Rangers meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-0, huwa rnexxielu jsib ix-xibka wara biss żewġ minuti logħob u saħanistra ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba. 

Tajjeb ngħidu wkoll li l-istess plejer rebaħ l-unur prestiġjuż tal-aqwa plejer żagħżugħ mogħti mill-MFPA (l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-futbolers f’pajjiżna) għall-istaġun li għadda meta kien jilgħab ma’ Qormi. 

ILLUM tkellmet ma’ dan il-plejer innifsu fejn talbitu l-kummenti tiegħu rigward kif qed iħares lejn ir-ritorn tiegħu ma’ Birkirkara u jekk tabilħaqq dan it-tim jistax jisfida għar-rebħ tal-unuri matul dan l-istaġun. Grech ġabar kollox fi ftit kliem u stqarr li: “Bħalissa ninsab kuntent ħafna li rritornajt ma’ Birkirkara. It-tim jidher li qed jiffunzjona sew. Nispera li nibqgħu sejrin hekk biex inkunu sfidanti denji għal kull unur li joffri l-futbol Malti.”

More in Sports