Chelsea u Swansea City fil-quċċata u Arsenal jirbħu punt fl-aħħar sekondi
Chelsea u Swansea City jinsabu fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra b’6 punti
Chelsea u Swansea City jinsabu fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra b’6 punti jiġifieri punti massimi minn żewġ logħbiet. L-attakkant prolifiku Spanjol Diego Costa rnexxielu jiskorja fid-debutt tiegħu fi Stamford Bridge biex għen lil Chelsea jiksbu rebħa ta’ 2-0 kontra t-tim inferjuri ta’ Leicester City li kollox ma’ kollox kellhom logħba tajba fejn f’xi drabi l-goalkeeper Belġjan ta’ Chelsea Courtois kien fundamentali biex iċaħħad lill-plejers ta’ Leicester City milli jsibu x-xibka. Il-gowl l-ieħor għall-Blues wasal minn Eden Hazard fis-77 minuta.
Fl-ewwel logħba li ntlagħbet fil-programm tas-Sibt, Aston Villa u Newcastle United temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ mingħajr gowls. Bl-istess skor intemm il-konfront bejn Southampton u West Bromwich Albion. F’logħba oħra West Ham United kisbu tliet punti prezzjużi meta barra minn darhom għelbu l-isfida ta’ Crystal Palace bl-iskor ta’ 3-1 bil-gowls għalihom jaslu minn Mauro Zarate, Downing u Carlton Cole waqt li l-uniku gowl għal Crystal Palace wasal minn Chamakh fid-49 minuta. Swansea City ġewwa darhom għelbu lil Burnley bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl għalihom jasal minn Nathan Dyer fit-23 minuta.
Arsenal rebħu punt fl-aħħar sekondi tal-konfront tagħhom kontra Everton barra minn darhom f’Goodison Park meta sa 7 minuti mit-tmiem tal-logħba sorprendentament kienu qed jitilfu bl-iskor ta’ 2-0, bil-konfront ta’ bejniethom jintemm bl-iskor finali ta’ 2-2. Għal Arsenal skorjaw Ramsey u Giroud fit-83 u fid-90 minuta rispettivament waqt li għal Everton irnexxielhom isibu x-xibka Coleman u Naisimith fid-19 u fil-45 minuta rispettivament.
Riżultati
Riżultati Kampjonat Barclays Premier
Is-Sibt 23 ta’ Awwissu
Aston V. vs Newcastle U. 0-0
Chelsea vs Leicester C. 2-0
Crystal P. vs West Ham U. 1-3
Southampton vs WBA 0-0
Swansea C. vs Burnley 1-0
Everton vs Arsenal 2-2
Fixtures Kampjonat Barclays Premier
Il-Ħadd 24 ta’ Awwissu
14:30 Hull C. vs Stoke C.
14:30 Tottenhham H. vs QPR
17:00 Sunderland vs Manchester U.
It-Tnejn 25 ta’ Awwissu
21:00 Manchester C. vs Liverpool