L-iktar 10 futbolers sinjuri fid-dinja

Lista tal-iktar plejers li jaqilgħuha tajjeb fid-dinja tal-futbol

Cristiano Ronaldo
Cristiano Ronaldo

Barra li huwa meqjus bħala l-aqwa plejer fid-dinja hekk kif f’Diċembru li għadda rebaħ l-unur ferm prestiġjuż tal-Ballun tad-Deheb għall-ewwel darba fil-karriera tieghu, il-fenomenu Portugiż huwa meqjus bħala l-iktar plejer imħallas u sinjur fid-dinja tal-futbol. Tant hu hekk li ftit tal-ġimgħat ilu f’kummenti li għadda lil sezzjoni tal-mezzi tax-xandir huwa afferma li lanqas biss jaf kemm għandu flus fil-kont bankarju tiegħu għax tilef il-kontroll minħabba l-fatt li ta’ kuljum u b’mod kostanti jidħol ammont sostanzjali ta’ flus fl-istess kont grazzi għan-numru ta’ sponsorships lussużi li Ronaldo għandu ma’ diversi ditti. U jekk dan mhux biżżejjed Ronaldo għandu salarju ta’ €17-il miljun fis-sena mal-ġganti Spanjoli, Real Madrid. Huwa s-sid ta’ propjetajiet lussużi f’Madrid, Lisbona u Madeira, waqt li huwa fatt magħruf li għandu għal qalbu l-karozzi sportivi fejn fil-fatt għandu tnejn tal-ogħla kwalità li huma Lamborghini Aventador u Bugatti Veyron. 

Lionel Messi
Lionel Messi

Barra li lkoll nafu x’kapaċi jagħmel dan il-plejer fil-grawnd, il-flus li jaqla’ mhumiex inqas mill-kwalitajiet inkredibbli li huwa jippossjedi fil-futbol. F’Diċembru tal-2012, huwa ffirma kuntratt ma’ Barċelona li fih hemm stipulat li huwa jirċievi s-somma ta’ €15-il miljun kull sena sas-sena 2018. Barra minn hekk huwa għandu sponsorship lussuż ta’ mhux inqas minn €2 miljun fis-sena mad-ditta Adidas waqt li huwa l-wiċċ pubbliċitarju tad-ditta Gillette, fejn ma’ din id-ditta segwa fuq il-passi ta’ Tiger Woods, Thierry Henry u Roger Federer. Bħala karozzi għal waħda għandu tnejn u tnejn lussużi, Ferrari F430 Spider u Audi R8. Barra minn hekk, il-fenomenu Arġentin għandu numru ta’ propjetajiet lussużi fl-Arġentina u anki f’Barċelona fi Spanja.

Samuel Eto'o
Samuel Eto'o

Żgur li dan il-plejer mhux rifless tal-kontinent fqir li ġej minnu jiġifieri l-Afrika. Dan il-plejer jibqa’ msemmi għal meta lura fl-2009 kien xtara arloġġ li jiswa’ €33,000 lil kull wieħed mill-plejers tal-Kamerun għall-fatt li dawn kienu kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-2010 li kienet saret fl-Afrika ta’ Isfel. Mal-klabb Russu Anzhi Makhachkala huwa kien jaqla’ s-somma esorbitanti ta’ €7 miljun kull sena. Madankollu bl-iskop li jirbaħ iktar unuri fil-karriera tiegħu u anki minħabba l-fatt li dan il-plejer jista’ jitqies bħala miljunarju u għalhekk ma tantx jidher li jagħti kas tal-qligħ tiegħu, matul l-istaġun li għadda huwa ngħaqad ma’ Chelsea fl-Ingilterra fejn iffirma kuntratt ta’ sena li jiswa €5 miljuni. Il-futur ta’ dan il-plejer għadu inċert hekk kif bosta rapporti qed isostnu li jista’ jmur jilgħab ma’ Juventus fl-Italja jew ma’ xi tim ieħor fil-Major Soccer League fl-Istati Uniti.

Wayne Rooney
Wayne Rooney

Dan il-plejer tela’ fir-raba’ post ta’ din il-klassifika wara li ffirma l-iktar kuntratt għoli fl-istorja tal-futbol fl-Ingilterra, li jiswa madwar €365,000 kull ġimgħa għal ħames snin ma’ Manchester United. Dan ifisser li permezz ta’ dan il-kuntratt dan l-attakkant prolifiku Ingliż se jkun qed jaqla’ viċin is-somma ta’ €95 miljun sa meta jkollu biss 33 sena. Barra minn hekk Rooney għandu ftehim ta’ sponsorships lussużi mad-ditti Nike, Samsung u Harper Collins. Madankollu minħabba problemi li fihom kien involut Rooney barra mill-grawnd, id-ditti kbar Coca Cola u EA Sports itterminaw il-ftehim ta’ sponsorship li kellhom mal-istess plejer b’mod immedjat. 

Kaka
Kaka

It-tluq ta’ dan il-plejer minn Real Madrid biex ingħaqad ma’ AC Milan fl-Italja fisser li Kakà kellu jissagrifika l-aħħar sentejn tal-kuntratt tiegħu mal-Los Blancos li kien ifisser qliegħ ta’ €9 miljun kull staġun flimkien ma’ diversi bonuses. Minħabba l-imħabba kbira li għandu għal AC Milan għalkemm issa ħalla lil dan it-tim biex mar jilgħab ma’ Orlando Jets fil-Major Soccer League fl-Istati Uniti, huwa naqqas il-qliegħ tiegħu għal €4 miljun kull sena mar-Rossoneri waqt li naqqas ukoll il-qligħ tiegħu wara l-inury li sofra matul l-istaġun li għadda kontra Torino, fejn ta’ bniedem tar-ruħ li hu, talab lid-diriġenti ta’ AC Milan biex ma jitħallasx sakemm huwa kellu jerġa’ jirritorna fl-azzjoni għat-tim tiegħu. Tul is-snin dan il-plejer attira numru ta’ sponsorships mill-aqwa fosthom mad-ditti Adidas, EA Sports u Sony waqt li ilu għal seba’ snin jimmudella għad-ditta, Armani. Għandu appartamenti lussużi f’Manhattan u fi New York kif ukoll propjetajiet oħra inqas lussużi f’Natal, Madrid u Milan. B’hekk Kakà ngħaqad ma’ lista ta’ plejers oħra li dejjem qed tikber li jqisu s-suq tal-propjetà bħala bażi ta’ investimet ghalihom. 

Neymar
Neymar

Huwa minnu li dan l-attakkant prolifiku Brażiljan kien sfortunat fl-aħħar Tazza tad-Dinja meta sofra minn injury sfortunata u kerha f’dahru wara daħla kerha tal-plejer tal-Kolumbja u Napoli, Zuniga. Però żgur li l-istess plejer mhuwiex sfortunat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ qliegħ ta’ flus. Huwa għandu numru ta’ sponsorships ma’ ditti ġganti fosthom Nike, Panasonic, Heliar, Volkswagen, Claro, Santander, Guarana, Antarctica, Ambev, Red Bull u Unilever. Dawn waħedhom kienu għollew is-salarju tiegħu meta kien jilgħab fil-Brażil ma’ Santos għal €20 miljun fis-sena. Wara Santos, Neymar ingħaqad ma’ Barċelona għas-somma eżorbitanti ta’ €86.2 miljun f’Ġunju tal-2013, f’wieħed mill-iktar trasferimenti kontroversjali fl-istorja tal-futbol mondjali minħabba li sar magħruf li diriġent ta’ Barċelona allegatament ikkorompa u gawda minn dan it-trasferiment tal-attakkant ta’ Barċelona u tat-tim nazzjonali Brażiljan. 

Ronaldinho
Ronaldinho

Għalkemm il-jiem ta’ dan il-plejer fil-quċċata tal-futbol mondjali huma sorpassati, xorta waħda huwa għandu qliegħ konsiderevoli fis-sena l-iktar permezz ta’ sponsorships. Fl-2003 huwa ngħaqad ma’ Barcelona mingħand Paris Saint-Germain għas-somma massiva ta’ €30 miljun. Iktar tard fl-2008, huwa ngħaqad ma’ AC Milan fl-Italja għas-somma ta’ €6.2 miljun kull sena, flimkien ma’ bonuses li kienu jammontaw għal €1.1 miljun kull staġun. Il-magician Brażiljan kif inhuwa iktar magħruf, bħalissa qed jilgħab ma’ Atletico Mineiro fil-Brażil. Riċentament huwa rrinova l-kuntratt tiegħu ma’ dan il-klabb għas-somma ta’ €2.7 miljun kull sena. Ronaldinho għandu sponsorships mad-ditta Nike u għandu propjetajiet fil-Brażil, il-Greċja, Barċelona, Lago di Como u Florida.

Zlatan Ibrahimovic
Zlatan Ibrahimovic

Zlatan Ibrahimovic ingħaqad ma’ Paris Saint-Germain fl-2012 għal salarju annwali ta’ €15-il miljun. L-attakkant prolifiku Svediż huwa l-iktar plejer li sewa flus fl-istorja tal-futbol, grazzi għal serje ta’ trasferimenti ferm b’saħħithom matul il-karriera brillanti tiegħu. Fil-fatt jekk wieħed ikollu jgħodd is-somma tat-trasferimenti totali tiegħu, dawn jammontaw għas-somma eżorbitanti ta’ xejn inqas minn €169 miljun. Barra Pariġi, fejn bħalissa jinsab alloġġjat, Ibrahimovic għandu djar lussużi oħra f’Milan, New York, Stokkolma, Malmo u anki fir-resort tal-iskiing Svediż ta’ Are. Huwa għandu ftehim ta’ sponorship mad-ditta Nike, li ta’ kull sena tqallgħu s-somma ta’ iktar minn €1,000,000.

Gianluigi Buffon
Gianluigi Buffon

Huwa l-iktar gowlkiper imħallas fid-dinja. Juventus xtrawh mingħand Parma lura fl-2001 għas-somma ta’ €50 miljun. Bħalissa Buffon jaqla’ €4.5 miljun kull sena. Ftit tas-snin ilu Buffon xtara 54% tal-kumpanija tal-manifattura Zucchi, fejn żied is-sehem tiegħu f’din il-kumpanija li kien dak ta’ 2%. Dan il-gowlkiper approfitta minn dividends immedjati, bil-kapital ta’ din il-kumpanija jiżdied f’Diċembru li għadda fejn il-prezzijiet tal-ishma għolew b’10%. Huwa għandu ftehim ta’ sponsorships mad-ditta PUMA.

Thierry Henry
Thierry Henry

Dan l-attakkant Franċiż ingħaqad ma’ Barċelona mingħand Arsenal fl-2007 għas-somma ta’ €20 miljun. Huwa kien iffirma kuntratt ta’ erba’ snin mal-klabb Katalan li sewa s-somma ta’ €5.6 miljun kull staġun. Fl-2010 Henry sar l-iktar plejer imħallas fil-Major Soccer League fl-Istati Uniti meta kien ingħaqad ma’ New York Redbulls, u saħansitra qabeż il-qliegħ li kien jagħmel David Beckham. Għalkemm is-salarju bażiku tiegħu kien naqas għal €2.7 miljun fl-2013, meta wieħed iqis il-bonuses li jaqla’, huwa estimat li Henry jaqla’ s-somma ta’ €3.2 milun kull sena. Thierry Henry huwa l-wiċċ pubbliku tad-ditta PUMA waqt li jippromwovi wkoll lir-Red Bull u għandu serje ta’ swieq internazzjonali u investimenti fil-kambju internazzjoanli. Il-propjetajiet tiegħu jinkludu dar li tiswa €6.8 miljun f’Londra u appartament lussuż fi New York li jiswa xejn inqas minn €11.1 miljun.

More in Sports