Eurosport jappoġġja lil Steve Camilleri għat-tieni sena konsekuttiva

Għat-tieni sena konsekuttiva, Eurosport se jerġgħu jkunu l-isponsors tal-atleta Malti Steve Camilleri. Dan il-kuntratt se jorbot lil Steve Camilleri u Eurosport għall-istaġun 2014/2015. 

Steve Camilleri jippoża bl-isponsor tal-Eurosport li se jfornih għat-tieni sena konsekuttiva
Steve Camilleri jippoża bl-isponsor tal-Eurosport li se jfornih għat-tieni sena konsekuttiva

Matul l-istaġun 2013/14, Camilleri ddomina l-istaġun tax-xitwa, fejn irreġistra l-aħjar ħin fis-60m ta’ 7.07 sekondi b’riħ kontra ta’ 1.7m/s, liema ħin kien l-aqwa mill-atleti Maltin f’din is-sena.

Fil-kampjonat tas-sajf, l-istess Camilleri rebaħ kull tellieqa lokali tal-100m, bl-iżjed waħda importanti tkun il-Kampjonat Nazzjonali, fejn iddefenda t-titlu li rebaħ is-sena ta’ qabel, kif ukoll irreġistra l-aqwa ħin personali tiegħu ta’ 10.80 sekondi.

Camilleri, ta’ 22 sena, fl-istess staġun kien impenjat f’kompetizzjonijiet diversi fl-Ewropa. Dan wara li ġie magħżul mill-Assoċjazzjoni tal-Atletika ta’ Malta (MAAA) biex jirrappreżenta lil Malta f’kampjonati tal-Mediterran U23 fi Franza kif ukoll fil-kampjonati tat-timijiet Ewropej fil-Georgia. Barra dawn il-kompetizzjonijiet, l-istess atleta ġie mistieden biex jieħu sehem f’European Classic Meet fil-Bulgarija, European Athletics Circuit fl-Italja kif ukoll meets internazzjonali fl-Isvizzera u l-Italja.

B’dan l-isponsorship, Steve se jkun qed jirrappreżenta l-kumpanija Eurosport bid-ditta sportiva Adidas, magħrufa għall-ħwejjeġ u żraben sportivi. 

Camilleri se jkun qed jibda l-preparazzjoni tiegħu għall-istaġun 2014-2015 f’Settembru, wara waqfa ta’ xahar mit-taħriġ, fejn se jkun qed jipprepara għal staġun importanti ferm, b’kompetizzjonijiet bħal Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kif ukoll il-European Games.

Camilleri xtaq jirringrazzja lil Eurosport tal-appoġġ kontinwu, kif ukoll lill-Kumitat Olimpiku Malti, Mochika Outdoor Life, General Soft Drinks u mirrorfriendly.com

More in Sports