Il-kowċ li kiteb l-Istorja ta’ Swieqi United

Roberto Debrincat – kowċ ta’ Swieqi United li għamel l-istorja ta’ dan il-klabb li matul din is-sena ċċelebra l-5 sena anniversarju mit-twaqqif tiegħu, hekk kif kien l-ewwel kowċ fl-istorja ta’ dan it-tim kif ukoll l-ewwel kowċ li kiseb promozzjoni storika mit-Tielet Diviżjoni għat-Tieni Diviżjoni tal-futbol lokali

Robert Debrincat twieled fl-4 ta’ Frar 1980 f’Ħ’Attard
Robert Debrincat twieled fl-4 ta’ Frar 1980 f’Ħ’Attard

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bħal maġġoranza tas-subien, il-futbol kien l-ewwel sport li bdejt insegwi minn età relattivament żgħira. Missieri huwa partitarju kbir tal-klabb Taljan ta’ Juventus u sa minn meta kont tifel żgħir, kull nhar ta’ Ħadd kont insegwi l-gowls tal-Kampjonat Taljan f’90 minuta. Kull ftit ħin liberu li kien ikolli dejjem kont nispiċċa niġri wara ballun, li f’dak iż-żmien kont inqisu bħala l-akbar ħabib tiegħi. Jiena nemmen li l-futbol huwa passjoni li titwieled miegħek u li sena wara sena, tkompli tikber għalkemm meta nkunu tfal ikollna ħafna ħolm biex nimitaw lill-idoli tagħna.

Int kont tikkowċja n-nursery ta’ Għaxaq. X’kienet l-esperjenza tiegħek hemmhekk?

Jiena għamilt staġun bħala l-Head Coach tan-nursery ta’ Għaxaq. Filwaqt li fil-passat ikkowċjajt xi kategoriji f’diversi nurseries, din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi bħala Head Coach. Kienet esperjenza li bħall-oħrajn li kelli tgħallimt minnha għalkemm forsi personalment nippreferi l-inkarigu ta’ kowċ tal-ewwel tim. Però kollox ma’ kollox kienet esperjenza li fiha stajt nerġa’ nġedded il-passjoni li kelli meta kont tifel lejn il-logħba tal-ballun hekk kif tara tfal ta’ tlieta u erba’ snin jibdew l-ewwel passi tagħhom lejn dan l-isport tant sabiħ.

U x’differenza tara bejn il-futbol tat-tfal għal dak tal-kbar? M’hemmx dubju li l-futbol tat-tfal huwa iktar nadif.

Id-differenza hija waħda - it-tfal juru passjoni ferm akbar minn dawk li juru plejers tal-ewwel tim. Bħalma għidt qabel, it-tfal jibdew ifasslu l-ħolm tagħhom u għaldaqstant, il-futbol huwa għodda biex huma jibdew il-passi tagħhom ħalli dan il-ħolm isir realtà. Fir-rigward tal-kbar, minħabba l-esiġenzi tal-ħajja, f’diversi każi l-futbol ma jibqax prijorità bħalma jkun fit-tfulija. Dan ma jfissirx li min jibqa’ jilgħab il-futbol ma jkollux fih passjoni, iżda l-maturità twassal biex wieħed jiffaċċja r-realtà li f’pajjiżna, il-futbol mhuwiex wieħed professjonali u għaldaqstant ikollok tiffoka fuq il-karriera u l-futbol jibqa’ biss bħala passatemp. 

X’fissret għalik personali kif ukoll għal Swieqi United bħala tim din il-promozzjoni?

Li tikseb promozzjoni huwa mument ta’ sodisfazzjon kbir. Tkun ilek xhur sħaħ taħdem biex tilħaq dan it-tragward, fejn bħal kull esperjenza oħra fil-ħajja, ikollok mumenti negattivi li jwassluk sa tarf l-irdum iżda biex tasal trid tkun kapaċi tqum lura fuq saqajk. Ovvjament mill-aspett personali, din hija l-ewwel promozzjoni li ksibt fil-karriera tiegħi bhala kowċ u nassigurak li kien mument ta’ ferħ kbir. Rigward Swieqi United, din hija promozzjoni storika hekk kif hija l-ewwel waħda li kiseb il-klabb fl-istorja tiegħi. Il-fatt li wara ħames snin, Swieqi United kisbu promozzjoni hija tarġa importanti fl-eżistenza ta’ dan il-klabb, u bla dubju dan is-suċċess se jibqa’ mnaqqax fl-istorja tiegħu.

X’taħseb li kien is-sigriet li wassal għal dan is-suċċess?

Kull suċċess fih il-pedamenti tiegħu u personalment nemmen li kienu diversi l-fatturi li waslu għal din il-promozzjoni. L-ewwel u qabel kollox kien il-mod kif jiena, flimkien ma’ Mario Mifsud, l-assistent tiegħi, ħdimna b’sinerġija tul l-istaġun kollu flimkien mal-plejers u l-kumitat. It-tieni nemmen li aħna għamilna sajf sħiħ naħdmu bla heda biex infasslu skwadra kompetittiva fl-istess waqt li enfasizzajna fuq il-bżonn li din l-iskwadra jkollha mentalità rebbieħa. It-tielet punt kien li aħna, bħala coaching staff, għamilna dak kollu possibbli biex inżommu l-iskwadra magħquda matul l-istaġun kollu fejn sħaqna fuq futbol pożittiv u fuq kollox sens ta’ motivazzjoni.

Taħseb li dan it-tim huwa b’saħħtu biżżejjed biex iżomm postu fit-tieni diviżjoni jew hemm bżonn ta’ xi rtokki?

Jiena nemmen li l-iskwadra li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi hija waħda b’saħħitha, xhieda ta’ dan huwa l-fatt li aħna u Sirens għamilna perjodu twil b’vantaġġ ta’ xejn anqas minn 12-il punt fuq it-tielet tim fil-klassifika. Ovvjament il-livell fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni huwa wieħed superjuri u għaldaqstant nemmen li bl-iskwadra li rebħet il-promozzjoni għandna bażi soda fuq xiex nibnu għal din l-esperjenza fit-Tieni Diviżjoni.

U fil-fatt se tagħmlu xi akkwisti ġodda?

Kull tim iwettaq xi akkwisti. Aħna qed nimmiraw li nsaħħu xi pożizzjonijiet fejn forsi m’għandniex għażliet konkreti. Però dawn għadhom fi stadju primarju hekk kif aħna qed nelaboraw fuq aktar minn għażla waħda.

X’kollaborazzjoni u għajuna ssib mill-kumitat ta’ Swieqi?

Il-membri li jiffurmaw parti mill-kumitat ta’ dan il-klabb huma individwi li jaħdmu bla heda biex jaraw lil dan il-klabb jimxi ’l quddiem. B’mod speċjali nsemmi lill-President, Dr Justin Fenech, lis-Segretarju, Dr Michael Calleja, u lil Robert Dingli, li kontinwament issibhom għaddejjin b’ħidma kontinwa. Personalment inħossni ferm komdu naħdem ma’ dawn in-nies, anki minħabba l-mentalità pożittiva li għandhom u kien proprju għalhekk li wara nuqqas ta’ sentejn, erġajt ingħaqadt ma’ Swieqi United.

"Mumenti negattivi jwassluk sa tarf l-irdum iżda biex tasal trid tkun kapaċi tqum lura fuq saqajk"

U mill-kunsill lokali tas-Swieqi?

Dr Justin Fenech huwa l-Viċi-Sindku tal-lokal u għaldaqstant dan huwa fattur importanti biex il-Kunsill Lokali jagħti l-għajnuna tiegħu lil dan il-klabb.

Taħseb li l-plejers ħassew it-transizzjoni mingħand Roland Sollars għal għandek u x’responsabbiltà tħoss għall-fatt li ħadt it-tmun tat-tim minn dan il-kowċ?

Kull kowċ għandu l-mentalità u l-filosofija tiegħu. Jiena nemmen li meta kowċ jieħu post kowċ ieħor, huwa importanti li jibgħat messaġġi pożittivi biex b’hekk l-ewwel impressjoni tħalli impatt fuq l-iskwadra. Fattur pożittiv kien li kemm jiena u kemm Roland Sollars nippreferu futbol pożittiv, u għaldaqstant il-plejers kellhom kontinwazzjoni. Bħala responsabbiltà huwa irrelevanti liema kowċ ikun hemm qablek. Meta tokkupa l-kariga ta’ kowċ inti qed tassumi r-responsabbiltà ta’ kaptan tal-vapur u għaldaqstant trid tkun kapaċi li tmexxi lil dan il-vapur lejn l-aqwa destinazzjoni possibbli. 

Int kont l-ewwel kowċ ta’ Swieqi United ħames snin ilu. Kif rajt lil dan it-tim jinbidel matul is-snin?

Meta jiena ngħaqadt ma’ dan il-klabb fis-sena 2009, prattikament ma kien hemm xejn. Il-kumitat kienu individwi li qatt ma kienu involuti fi klabb tal-futbol fl-istess waqt li la kien hemm skwadra u lanqas struttura. Staġun wara staġun dan il-klabb beda jiżviluppa biex illum, ħames snin wara, il-kumitat eżekuttiv huwa wieħed li għandu struttura soda filwaqt li kompla jiżviluppa bl-introduzzjoni tat-tim ta’ taħt id-19-il sena kif ukoll b’akkademja għat-tfal. Anki l-fatt li l-klabb ingħata grawnd li fih jista’ jagħmel it-taħriġ tiegħu huwa punt ferm pożittiv. Fi ftit kliem, nemmen li Swieqi United, minn klabb li ma kellu l-ebda struttura, żviluppa f’wieħed bi struttura professjonali li ftit klabbs f’Malta għandhom.

"Dan hu suċċess li se jibqa' mnaqqax fl-istorja ta' Swieqi United"

Il-fatt li għandek xi kuntatti barra minn Malta għen bis-sħiħ biex takkwistaw plejers ta’ barranin ta’ klassi. Tikkonferma dan?

F’dan l-istaġun kellna x-xorti li jkollna żewġ plejers barranin li fl-opinjoni kienu l-aħjar tnejn tal-kampjonat. Nikkonferma li jiena għandi kuntatti ma’ diversi aġenti barranin fejn jiena ninsab f’kuntatt kontinwu magħhom biex nakkwista dak il-plejer li jista’ jkun meqjus bħala dak li jagħmel id-differenza. Ħafna minn dawn il-plejers jaraw lil Malta bħala t-tarġa ideali biex jintegraw ruħhom fil-futbol Ewropew, u klabb bħal Swieqi huwa ideali għalihom biex dawn ikomplu jiżviluppaw it-talent tagħhom.

Il-futbol Malti marid?

Personalment nemmen li hija l-opinjoni pubblika li qed toħloq l-impressjoni li l-futbol Malti huwa marid. Ovvjament, il-fatt li fl-istess ħin li jintlagħab il-futbol Malti jkun hemm logħbiet mill-futbol barrani, ma jgħinx biex jiżdiedu l-attendenzi. Fl-istess waqt, il-mentalità li teżisti fil-futbol lokali mhijiex waħda ideali biex ilaħħqu mal-iżvilupp li qed jagħmlu pajjiżi oħra. Għaldaqstant nemmen li l-ewwel tibdil li għandu jseħħ għandu jkun fin-nurseries, ħalli b’hekk it-tfal tal-lum jiżviluppaw fid-dinja tal-futbol b’mentalità pożittiva biex ngħollu l-livell tal-logħba Maltija. Kulħadd jiftakar meta f’ħafna toroq madwar il-pajjiż kont tara ċorma tfal jiġru wara ballun, pajjiżna pproduċa numru ta’ plejers b’livell straordinarju. Iżda meta bdejna ninvestu fl-infrastruttura, il-plejers tagħna ġew aktar imfissda u kawża t’hekk twarrbet il-mentalità tas-sagrifiċċju. Nemmen li llum il-ġurnata hija aktar diffiċli minħabba l-iżvilupp fit-teknoloġija, iżda l-logħba tal-ballun, għal min verament iħobbha, hija passjoni li xejn ma joħdilha postha. 

Teżisti korruzzjoni fil-futbol tat-tielet diviżjoni jew din hija iktar lampanti f’diviżjonijiet superjuri bħal mhija d-Diviżjoni Premier?

Personalment qatt ma ltqajt ma’ każ ta’ korruzzjoni, però l-istorja turina li fil-passat kien hemm każijiet ta’ korruzzjoni f’kull diviżjoni. Kull forma ta’ korruzzjoni hija ħażina u hawnhekk xtaqt nuri l-apprezzament tiegħi lejn l-inizjattiva li ħadet il-Malta Football Association biex tiġġieled dan il-fenomenu li laqat mhux biss lill-futbol Malti iżda lil-futbol madwar id-dinja. Hija ġlieda diffiċli però jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed lejn l-istess naħa, nistgħu nibdew negħlbuha.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek, bħala kowċ tas-Swieqi?

L-għan ewlieni se jkun dak li nkompli nibni fuq is-suċċess miksub f’dan l-istaġun. Din għalija se tkun it-tieni esperjenza tiegħi mmexxi tim fit-Tieni Diviżjoni u fuq livell personali se nagħmel ħilti biex inkabbar il-profil tiegħi bħala kowċ, fl-istess waqt ninsab lest biex inkompli nwassal is-servizz tiegħi lejn dan il-klabb. 

U l-futur ta’ Swieqi United...

Ovvjament hemm stennija kbira għad-debutt ta’ dan il-klabb fit-Tieni Diviżjoni. Bħala klabb li rebaħ promozzjoni, l-ewwel għan se jkun dak li nżommu postna f’dan il-kampjonat. Iżda personalment nemmen li dan huwa l-comfort zone u għaldaqstant għandu jkollna għan wieħed - dak li l-iskwadra tkun ippreparata biex tkun f’pożizzjoni li tikseb il-punti f’kull logħba tal-kampjonat.

Għad naraw lil Debrincat jikkowċja barra minn Malta fil-futur fosthom f’diviżjonijiet żgħar fl-Italja?

Nemmen li din hija x-xewqa ta’ ħafna kowċis lokali. Fortunatament jiena ninsab f’kuntatt ma’ diversi individwi li huma involuti fil-futbol Taljan u nemmen li fiż-żmien opportun, din il-ħolma personali tista’ sseħħ fir-realtà għalkemm naf li mhijiex waħda faċli. Però jiena bniedem li dejjem infittex sfidi li permezz tagħhom inkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi. Però tajjeb li nistqarr li jiena nħobb nimxi pass pass, u għaldaqstant, qabel pass daqshekk importanti, nemmen li huwa ideali li wieħed jistabilixxi lilu nnifsu f’pajjiżna b’possibiltà ta’ esperjenza fl-ogħla livell tal-futbol Malti.

Finalment jekk tixtieq għaddi xi ringrazzjamenti lil diversi persuni li għamlu dan is-suċċess wieħed possibbli għal Swieqi United.

L-ewwel u qabel kollox nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lejn binti, Mireille, li hija l-ispirazzjoni ta’ ħajti. It-tieni nirringrazzja lill-ġenituri u lill-familja tiegħi, lis-sieħba tiegħi, kif ukoll lil dawk kollha involuti fil-klabb ta’ Swieqi United, kemm bħala kumitat, coaching staff, plejers u partitarji, għas-sehem tagħhom. 

More in Sports