Valletta jkomplu jiddominaw fi sport ieħor

F’dan l-istaġun, il-Valletta Subbuteo Club reġa’ ħa sehem f’numru ta’ kompetizzjonijiet, kemm ġewwa Malta, kif ukoll barra minn xtutna.

Il-plejers li jiffurmaw it-tim ta’ Valletta Subbuteo Club
Il-plejers li jiffurmaw it-tim ta’ Valletta Subbuteo Club

Fil-kampjonat lokali li ġie organizzat mill-MTFSA fi Frar u li fih ħadu sehem il-klabbs ta’ Bormla SC, Ħamrun TFC, Attard SC, V. Lions TFC u Valletta Subbuteo Club. Valletta SC ħarġu rebbieħa wara li għelbu kull ostaklu li ġie quddiemhom u rebħu l-logħbiet kollha biex b’hekk

akkwistaw punti massimi u saru champions lokali għall-għaxar darba fl-istorja tagħhom. Ir-riżultati tal-Valletta SC taż-żewġ rawnds kienu dawn - kontra V.Lions TFC 4-0 u 3-1, Attard SC 4-0 u 3-0, Ħamrun TFC 4-0 u 3-1, Bormla SC 3-1 u 2-0. B’dan ir-rebħ tal-kampjonat Malti l-Valletta Subbuteo Club akkwistaw id-dritt li jirrappreżentaw lil Malta fil-kompetizzjoni taċ-Champions League li se ssir f’Ottubru ġewwa l-Belġju. Il-captain tat-tim Derek Conti kien ferm kuntent b’dan l-unur u ħeġġeġ lill-plejers kollha biex jitħarrġu aktar, ħalli t-tim jibqa’ miexi ’l quddiem, kemm fil-kompetizzjonijiet lokali u anki dawk internazzjonali.

F’pajjiżna wkoll, il-Valletta SC rebħu ż-żewġ FISTF International Open li saru dan l-istaġun, kif ukoll rebħu għat-tielet sena infila l-FISTF Grand Prix li sar f’April ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni l-Valletta SC għelbu lil Bormla SC 4-0. Dan l-unur kien l-għaxar unur fuq kompetizzjoni internazzjonali organizzata mill-FISTF, li rebħu l-Valletta Subbuteo Club f’dawn l-aħħar 3 staġuni. Il-President tal-klabb Felix Rizzo kien ferm kuntent b’dan l-unur u qal li l-għaqda kbira li hemm fit-tim, tagħmilha aktar faċli biex jibqgħu ġejjin dawn is-suċċessi.

Barra minn xtutna l-Valletta SC ikkompetew fiċ-Champions League ġewwa Napli u waslu sal-kwarti tal-finali. Din kienet l-aqwa pożizzjoni li qatt wasal klabb Malti f’din il-kompetizzjoni. Fil-Grand Prix tal-Iskozja waslu sal-finali u ġew megħluba minn Bristol tal-Ingilterra. F’Wales reġgħu kienu Bristol li eliminawhom fis-semi-finali u fil-Grand Prix ta’ Franza, reġgħu waslu sas-semi finali u ġew megħluba minn Rochefort tal-Belġju. Filwaqt li fil-Major tal-Belġju, reġgħu kienu Bristol tal-Ingilterra li għelbuhom fil-fażi tal-aħħar 16.

Fil-ġranet li ġejjin, il-membri tal-Valletta Subbuteo Club se jibqgħu għaddejjin bit-taħriġ, peress li fl-aħħar ta’ Mejju se jipparteċipaw fil-Major ta’ Bologna u f’Ġunju fil-Grand Prix tal-Ingilterra.

Il-plejers kollha li lagħbu mal-Valletta Subbuteo Club f’dan l-istaġun kienu - Derek Conti (Captain), Samuel Bartolo, Mark Gauci, Joseph Borg Bonaci, Jean Tabone, Andrew Abela, Vince Mifsud, Mario Camilleri, John Borg u Jason Pisani. Magħhom kien hemm ukoll it-tliet Ingliżi li huma – Chris Thomas, Matt Lampitt u Chris Short. Dawk kollha li jixtiequ jibdew dan l-isport, jistgħu jiktbu fuq [email protected] u jingħataw aktar informazzjoni.

More in Sports