Joseph Muscat f’nofs laqgħa mimlija għajjat u tisbit

Trikki trakki fl-MPL dwar l-organizazzjoni tal-kampjonat, l-MFA tista’ tipposponi jew tirtira kollox 

Hekk kif il-Malta Football Association (MFA) kienet ħabbret li lesta tidħol f’diskussjonijiet biex il-Malta Premier League (MPL) tibda torganizza l-Kampjonat Premier mill-istaġun 2024/25, il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li fl-aħħar sigħat, ittieħdet deċiżjoni mill-ogħla uffiċjali tal-futbol Malti li kollox jista’ jiġi pospost jew saħansitra ma jseħħx. 

Dan wara li fl-aħħar ġimgħat inħoloq diżgwid intern bejn il-presidenti tal-klabbs tal-Premier li jiffurmaw parti mill-MPL u li bħala chairman għandhom lil Joseph Muscat.  

Sorsi tal-ILLUM jikkonfermaw b’ċertezza li fl-aħħar laqgħat bejn il-klabbs, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kellu biċċa xogħol iebsa biex jikkontrolla l-emozzjonijiet, l-għajjat u t-tisbit ta’ wħud mill-presidenti. 

Id-dettalji kompluti tal-istess laqgħat, deskritti bħala “jaħarqu aktar min-nar tal-infern,” waslu għand l-ogħla uffiċjali tal-MFA u fl-aħħar sigħat ittieħdet deċiżjoni li jekk ma jkunx kollox implimentat serjament u ġustament, kollox se jibqa’ kif inhu fil-preżent, organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija.  

L-aktar klabb u President attakkat fl-aħħar ġimgħat kien dak ta’ Hamrun Spartans, Joseph Portelli. Il-biljunarju Għawdxi esprima ruħu dwar dan anke pubblikament, fil-programm ‘Il-Kampjonat’ tat-Tnejn filgħaxija fuq TVMSport+. Portelli qal li bidla fil-format tal-kampjonat se twassal għal kampjonat fażul. Fost il-ħafna bidliet, kien hemm l-aktar waħda xokkanti għal ħafna dilettanti tal-futbol Malti, dik li min jiġi l-ewwel fil-kampjonat, jilgħab partita ‘decider’ ma’ min jiġi t-tieni fil-klassifika u dan biex jiġi deċiż min verament jirbaħ it-titlu u min jikkompeti fil-UEFA Champions League, kompetizzjoni Ewropea li magħha tiġbed aktar minn miljun ewro mill-UEFA lill-klabb rebbieħ. 

Fl-istess programm, Portelli stqarr ukoll li waqt l-istess diskussjonijiet, saħansitra spiċċa tilef rasu u skuża ruħu għal dan l-aġir. Fit-toroq tal-Ħamrun, il-kelma hi li kulħadd qiegħed jikkonfoffa kontra l-klabb tagħhom u li fi żminijiet differenti meta klabbs oħra kellhom l-aqwa timijiet u l-akbar baġits, dawn it-tip ta’ ‘gambetti’ ħadd ma kien joħlomhom. 

Biex jikkalmaw l-affarijiet, numru ta’ klabbs irrikorrew għand il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, li min-naħa tiegħu sejjaħ laqgħa urġenti tal-Istakeholders Committee, Kumitat immexxi minn Cory Greenland, biex jibdew jinstemgħu l-pożizzjonijiet differenti qabel jaslu għal xi tip ta’ konklużjoni. F’isem il-Kampjonat Premier, il-preżentazzjonijiet qed isiru minn Joseph Muscat, f’isem il-MPL, filwaqt li dawk taċ-Challenge League qed isiru minn Peter Fenech. Membri oħra jinkludu uffiċjali tan-National Amateur League, il-Malta Football Players Association u l-Malta Football Coaches Association.   

Fl-aħħar xhur ħareġ biċ-ċar li l-MFA tixtieq tieħu l-futbol f’livell ieħor u tagħti l-opportunità lill-klabbs imexxu għal rashom, iżda jidher li s’issa, dawn għadhom ma sabux mod kif jaqblu, anki jekk huma l-ewwel diskussjonijiet ta’ xi ħaġa ġdida għall-futbol Malti. 

L-istess laqgħat kellhom qbil li fil-futbol modern hemm l-aspett kummerċjali li jdur mal-logħba. Sorsi tal-ILLUM jikkonfermaw li fuq dawn l-aspetti kien hemm qbil bejn il-klabbs kollha u l-klabbs irrealizzaw li mingħajr deċiżjonijiet serji fuq l-aspett sportiv tal-logħba, diffiċli li jattiraw l-investimenti neċessarji biex joperaw il-kampjonat. Wieħed jifhem li jekk il-klabbs jinnegozzjaw id-drittijiet kollha tal-kampjonat direttament huma, l-introjtu għalihom jista’ biss jiżdied.  

Kwistjoni oħra taħraq li qed tkun diskussa bejn il-klabbs u li anki fuq din jidher li m’hemmx qbil unanimu, hija dik dwar il-plejers barranin, diskussjoni li ilha għaddejja snin. Dettalji li kisbet din il-gazzetta fl-aħħar jiem ikkonfermaw li teżisti differenza bejn il-klabbs dwar dan ukoll. Birkirkara, Hibernians u Hamrun Spartans iridu jżidu jew jiftħu s-suq tal-barranin f’pajjiżna mentri l-kumplament huma kontra jew għadhom dubjużi.   

Dawn il-proposti kollha għadhom ma waslux għand l-MFA u wieħed jibqa’ ferm dubjuż mill-appoġġ li se jsibu mill-Eżekuttiv meta l-klabbs jiddeċiedu jagħmlu dan. Dan għax il-President Vassallo għamilha diġà ċara ma’ ħafna li jekk dak li jipproponu l-klabbs ikun anti-sportiv jew li fih tkun qed tispiċċa l-protezzjoni tat-timijiet nazzjonali, mhux se jkunu qed jiġu aċċettati.

More in Lokali