Luke Farrugia jikser ir-rekord nazzjonali tiegħu stess fid-discus

Wara s-suċċess ta’ dawn l-ewwel żewġ attivitajiet, l-MAAA se tiddedika s-sessjoni li jmiss tal-11 ta’ Lulju għall-atleti ta’ taħt is-16-il sena kif ukoll għal dawk iżgħar fl-età

It-tieni avveniment tal-MAAA wara t-tkomplija tal-kompetizzjonijiet wasslet għal rekord nazzjonali ieħor. Din id-darba kien Luke Farrugia li tejjeb bi kważi żewġ metri l-aqwa distanza qatt reġistrata minn atleta Malti fid-discus throw, b’51.92 metru.

Farrugia huwa kkowċjat mill-atleta-kowċ Antonella Chouhal, u huwa parti minn Rush AC. B’hekk dawn kienu tmint ijiem li mhux se jintesew żgur għal dan il-klabb, wara li fl-ewwel avveniment Luca Martini kiser ir-rekord nazzjonali tal-hammer throw.

Ian Paul Grech (Pembroke Athleta) rebaħ il-100 metru f’ħin ta’  11.09 sekonda quddiem Jeremy Zammit (Pembroke Athleta – 11.18s) u Warren Zammit (Rush Athletic – 11.30s). Luke Bezzina, rebbieħ fuq din id-distanza l-ġimgħa li għaddiet waqaf muġugħ wara li kellu bidu promettenti għat-tellieqa.

Fil-100 metru tan-nisa, Claire Azzopardi kkonfermat is-supremazija tagħha, b’ħin ta’ 12.09s. It-tieni u t-tielet post raw taqtigħa bil-photofinish fejn Janet Richard għaddiet lil Sarah Busuttil b’12.31 kontra 12.32 sekonda.

Fiż-żewġ każijiet, ir-riħ kien ta’ ftit aktar minn +2 m/s, li jfisser ftit aktar mil-limitu approvat.

L-isprints it-twal taw spettaklu mill-aqwa. Fl-400 m tal-irġiel, Graham Pelligrini ta’ Pembroke Athleta, li għadu jappartjeni għall-kategorija U/18, wettaq l-akbar sorpriża tal-ġurnata meta b’ħin ta’ 52.06 sekonda għeleb atleti ta’ esperjenza bħal Matthew Croker (Savio Athletic Club) - 52.20 u Krestien Micallef (Rush AC) - 52.48.

Fil-long jump tal-irġiel, Ian Paul Grech kien 2 ċentimetri biss bogħod minn qabża ta’ 7 mentri, kejl meqjus bħala ambizzjoni tal-aqwa atleti Maltin. Huwa għeleb l-isfida ta’ Jeremy Zammit (6.53m) u Godfrey Sapiano (6.21m).

Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, Claire Azzopardi ta’ Pembroke Athleta rreġistrat doppjetta fil-100m u long jump, b’qabża ta’ 5.99 metru, li fissret ukoll l-aqwa riżultat qatt miksub minnha. L-atleta promettenti ta’ taħt it-18-il sena Rachela Pace kellha qabża tajba ta’ 5.50 metru filwaqt li Kimahri Charles temmet fit-tielet post b’4.87 metru.

Il-President tal-MAAA Andy Grech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżutati miksuba u b’mod partikolari għall-prestazzjonijiet mill-aqwa ta’ għadd ta’ atleti żgħażagħ: “Huwa ta’ kuraġġ kbir għalina li naraw dawn ir-riżultati mill-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-atleti. Dan issaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li l-atletika f’Malta għandha futur mill-aqwa!”

Wara s-suċċess ta’ dawn l-ewwel żewġ attivitajiet, l-MAAA se tiddedika s-sessjoni li jmiss tal-11 ta’ Lulju għall-atleti ta’ taħt is-16-il sena kif ukoll għal dawk iżgħar fl-età.

More in Lokali