'Qed inħares 'il quddiem ħafna għal staġun ma' Naxxar Lions'

Daren Falzon - plejer b'esperjenza wiesgħa fil-futbol lokali, fejn fil-ġimgħat li għaddew irritorna ma' Naxxar Lions.

Daren Falzon
Daren Falzon

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi bdiet minn età żgħira, tista' tgħid nara l-logħob fuq it-televixin u nilgħab f’kull ċans li jkolli, qabel ma l-ġenituri tiegħi daħħluni fin-nursery ta’ Naxxar Lions.

Kif qed tħares lejn ir-ritorn tiegħek ma' Naxxar Lions?

Qed inħares 'il quddiem ħafna għal staġun ma' Naxxar Lions. Hawnhekk dejjem għal qalbi għax twelidt hawn u tista' tgħid kbirt hawnhekk u mhux biss plejer imma partitarju ta' Naxxar. Hemm skwadra tajba bejn żgħażagħ u plejers ta' esperjenza.

Insemmi wkoll lill-kowċ Charles Muscat li huwa kowċ tajjeb u tista' tgħid ġdid mal-kbar imma jaf x'inhu jagħmel u dejjem jimmotivana biex inkunu aħjar. Ninsab ħerqan ħafna li naħdem miegħu!

X’taħseb dwar dak kollu li wrejt matul l-aħħar staġun?

Naħseb illi kien wieħed mill-aktar staġuni għal qalbi kemm ilni nilgħab. Nemmen illi kelli wirjiet tajbin biss ovvjament dejjem hemm lok għal titjib.

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Le, nemmen illi għandu jkun hemm inqas timijiet imma fl-istess ħin nemmen li għandu jkun hemm aġġustament mhux fin-numru ta’ klabbs biss.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Bla dubju.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Le ma naqbilx.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Hawn barranin ta’ livell iva biss nemmen li fl-aħħar snin il-livell tal-barranin dejjem jonqos qiegħed.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Premier?

L-Istadium Nazzjonali, is-Centenary Stadium kif ukoll il-Hibs Stadium huma ta’ livell. Il-Victor Tedesco Stadium naħseb illi jista' jkun aħjar; ovvjament ninsab konxju mill-fatt illi jintuża tista' tgħid il-ħin kollu. 

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Mistoqsija daqsxejn antipatika. Hawn referis ta’ stoffa u logħob fejn logħba tkun irreffjata tajjeb. Biss tara logħob li jkun hemm l-iżbalji bla dubju. Kull referì hu uman u kulħadd jista' jiżbalja; biss ċerti żbalji jistgħu jiġu evitati iżjed minn oħrajn. 

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Li żżomm lilek innifsek f'kundizzjoni tajba, bħal pereżempju dieta tajba u l-istil ta' ħajja li tgħix dejjem tipprova ddawru mal-futbol li mhux dejjem hi xi ħaġa faċli. 

Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Minn dak l-aspett ma tantx għandi xi ngorr għaliex naħdem ma’ missieri u jifhimni. Minn hawn nirringrazzjah ta’ kulma jagħmel miegħi.

Tqis li fil-futur tissejjaħ mat-tim nazzjonali mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia?

Hija xewqa ta’ kull plejer illi jirrappreżenta lil pajjiżu. Kelli l-opportunità illi nilgħab għal pajjiżi sal-U21 u jkun ta' unur għalija li kieku jkolli xi darba nirrappreżenta lit-tim nazzjonali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Fil-futur nixtieq illi ovvjament dejjem nipprova nkun aħjar mil-lum, ġurnata wara l-oħra tipprova dejjem tavvanza. 

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. 

Ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom - dejjem jitħarrġu bis-serjetà u jisimgħu mill-kowċis u xi darba s-sagrifiċċju kollu li jkunu għamlu jissarraf f'suċċess. Mhix xi ħaġa faċli, biss b'ħafna sagrifiċċju u attitudni tajba tista' tasal!

More in Lokali