Sainz stupend f’Singapor

Mitmuma r-rebħiet konsekuttivi ta’ Max Verstappen

Ix-xufier ta’ Ferrari Carlos Sainz rebaħ il-Grand Prix ta’ Singapor, sabiex b’hekk waqqaf ħesrem l-10 rebħiet konsekuttivi tax-xufier ta’ Red Bull Max Verstappen. Dan wara li ż-żewġ xufiera ta’ Red Bull kellhom fażi ta’ kwalifikazzjoni diżappuntanti ferm, hekk kif sfaw eliminati fit-tieni rawnd, u b’hekk bdew it-tellieqa barra mill-ewwel 10.

Sainz beda t-tellieqa fl-ewwel post, u rnexxielu jikkonverti l-pożizzjoni għal dik li kienet it-tieni rebħa fil-Formula 1 tal-karriera tiegħu.

Warajh segwa x-xufier Brittaniku ta’ McLaren Lando Norris, b’wirja eċċellenti li ratu jirkupra żewġ postijiet wara li beda mir-raba’ post, u jiddefendi tajjeb kontra l-oppożizzjoni partikolarment fl-aħħar ftit dawriet.

Fit-tielet post daħal Brittaniku ieħor, Lewis Hamilton ta’ Mercedes, li wkoll irkupra żewġ postijiet mill-formazzjoni tal-bidu. B’dan ir-riżultat, Hamilton qabeż lil Fernando Alonso fil-punti, u issa jsib ruħu fit-tielet post tal-klassifika.

Charles Leclerc ta’ Ferrari sab ruħu fir-raba’ post, b’wirja oħra fejn naqas milli juri l-forma li kien fiha fil-bidu tal-istaġun li għadda.

Max Verstappen temm it-tellieqa fil-ħames post, wara li sessjoni ta’ kwalifikazzjoni xokkanti li ratu jikkwalifika għat-tellieqa fil-11-il post. Minkejja dan, xorta waħda għadu jgawdi vantaġġ ta’ 151 punt fuq ix-xufier Sergio Perez, li jinsab fit-tieni post tal-klassifika.

Warajh segwew Pierre Gasly u Oscar Piastri, ta’ Alpine u McLaren rispettivament. Dawn it-tnejn kellhom wirjiet eċċezzjonali mmens, fejn Gasly irkupra 6 postijiet wara li beda mit-12-il post, u Piastri irkupra 10 wara li beda mill-17-il post. Dan l-statistiċi impressjonanti aktar meta wieħed iqis li t-trakka ta’ Singapor hija fit-toroq, u allura kemmxejn dejqa.

Sergio Perez ta’ Red Bull, Liam Lawson ta’ AlphaTauri u Kevin Magnussen ta’ Haas temmew il-lista ta’ xufiera li kisbu l-punti minn din it-tellieqa. Din kienet il-250 tellieqa ta’ Perez, li issa sar il-11 is-xufier li qatt laħaq dan it-tragward. Għal Lawson, dawn kienu l-ewwel żewġ punti tal-karriera tiegħu, li waslu wara biss it-tielet tellieqa li pparteċipa fiha.

Ix-xufier ta’ AlphaTauri Yuki Tsunoda reġa kellu tellieqa miżerabbli, mingħajr ma lesta biss dawra waħda. Impatt ma’ Sergio Perez fl-ewwel dawra kkawżalu puncture, li kaġun tiegħu kellu jirtira kmieni ħafna. Dan wara li fit-tellieqa preċedenti kellu problemi tekniċi fid-dawra ta’ formazzjoni, li kawża tagħhom kellu jirtira qabel it-tixjira tal-bandiera l-ħadra.

Esteban Ocon ta’ Alpine irtira lejn nofs it-tellieqa, wara li l-karozza tiegħu dehret li qed iddaħħan. F’dak il-mument, hu kien qed jokkupa s-sitt post, f’waħda mill-aqwa wirjiet personali ta’ din is-sena. Huwa rrappurtat li kellu problemi fil-gearbox.

Valtteri Bottas ta’ Alfa Romeo irtira fit-53 dawra, minħabba problemi fil-hydraulics.

Però l-aktar mument ta’ qsim il-qalb wasal fl-10 kisra tal-aħħar dawra, hekk kif George Russell ta’ Mercedes kien fit-tielet post u daħal ġo ħajt wara li prova jaqbeż lil Norris, incident li kkaġuna t-tmiem tat-tellieqa tiegħu.

Ta’ min jinnota li din it-tellieqa kienet tragward importanti għal Fernando Alonso t’Aston Martin, li temm it-tellieqa fil-15-il post. Tul dan il-Grand Prix, il-veteran sar l-ewwel xufier li laħaq it-tragward ta’ 100,000 kilometru misjuq waqt tlielaq tal-Formula 1.

 

More in Barranin