Manchester United iħabbru li Greenwood mhux se jibqa' mal-klabb

Din l-aħbar tiġi wara investigazzjoni interna dwar akkużi ta' abbuż sesswali kontra l-plejer fl-2022, li waqgħu fi Frar tal-2023

Fi stqarrija maħruġa mill-klabb it-Tnejn 21 t’Awwissu, Manchester United informaw il-pubbliku bid-deċiżjoni tagħhom dwar il-plejer Mason Greenwood, li dwaru kien hemm għaddejja investigazzjoni interna tul dawn l-aħħar xhur. Dan m’huhiex se jibqa’ plejer tal-klabb.

L-investigazzjoni kienet tittratta siltiet ta’ awdjo li nxterdu mis-sieħba tiegħu Harriet Robson lura f’Jannar tal-2022. Fis-siltiet, Robson tinstema’ tgħid li ma tridx li jkollha x’taqsam ma’ Greenwood, filwaqt li hu jgħidilha biex tgħolli saqajha u li ma jimportahx xi trid hi.

Apparti dawn is-siltiet, kienu ttellgħu ukoll ta’ Robson bid-demm ma’ wiċċha, kif ukoll tbenġil ma ġisimha kollu.

Ftit wara, Greenwood kien arrestat mill-Pulizija ta’ Greater Manchester, akkużat li wettaq abbuż sesswali.

Hu kien mistenni jidher il-Qorti f’Novembru li ġej. Madankollu, fi Frar tal-2023, l-akkużi kollha fil-konfront tiegħu waqgħu, minħabba li “xhieda importanti ma riedux jidhru, kif ukoll ħabba materjal ġdid li nstab,” qalu l-prosekuzzjoni.

Minn dakinhar, Greenwood u Robson reġgħu qiegħdin flimkien, u saru ġenituri.

Greenwood kien ilu sospiż minn Manchester United mill-bidu tas-sena 2022. Riċentament, kien irrappurtat li reġa beda jitħarreġ waħdu, bil-klabb jgħid li “deċiżjoni fuq il-futur tiegħu hija imminenti.”

Huwa maħsub li oriġinarjament, id-deċiżjoni kienet se tkun li Greenwood jerġa’ jiġi integrat fl-iskwadra maġġuri. Però, qabel ma din tħabbret uffiċċjalment, kienu bosta li tkellmu fl-apert sabiex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom lejn din il-possibbiltà.

Skont rapporti, it-tim tan-nisa tal-klabb, kif ukoll l-isponsors maġġuri, ma kienux kuntenti bis-sitwazzjoni. Nhar it-Tnejn 14 t’Awwissu, grupp ta’ partitarji nisa pprotestaw quddiem il-grawnd tal-klabb, Old Trafford, qabel il-logħba tal-ftuħ tal-kampanja tagħhom ta’ dan l-istaġun kontra Wolverhampton.

L-għaqda Women’s Aid, għaqda li taħdem kontra l-vjolenza domestika u li toffri servizzi lil nisa li jkunu għaddejjin minn dawn is-sitwazzjonijiet, qalu li, “id-dinja kollha qed tħares,” b’referenza lejn l-istennija tad-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni uffiċċjali tħabbret fuq is-sit tal-klabb nhar it-Tnejn 21 t’Awwissu. Il-klabb qal li, “skont l-evidenza kollha li rnexxielu jiġbor il-klabb, inkluż evidenza li mhix għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ikkonkludejna li l-materjal li dar fuq l-internet ma jagħtix l-istampa kollha, u li Greenwood mhux ħati tal-akkużi li kienu miġjubin fil-konfront tiegħu. Madankollu, il-plejer jistqarr li għamel żballji, u se jieħu responsabbiltà tagħhom.”

“Kull min hu involut, jagħraf id-diffikultajiet involuti sabiex Greenwood jerġa’ jkompli l-karriera tiegħu ma’ Manchester United. B’hekk, bi ftehim bejn il-partijiet, tkun aħjar li din jagħmilha ma’ klabb ieħor, u se nkunu qed naħdmu ma’ Greenwood sabiex nilħqu dan il-għan.”

Dan l-aħbar intlaqgħet tajjeb minn ċertu għaqdiet, b’Women’s Aid jgħidu li, “nafu li l-aħbar li Greenwood se jħalli l-klabb se tkun milqugħa minn vittmi ta’ vjolenza domestika.”

Minn naħa l-oħra, il-ġurnalista Sophie Wilkinson staqsiet għalfejn Manchester United għadhom qed jaħdmu mal-plejer u jgħinuh isib klabb ġdid, meta tqis kollox. "Kulħadd sema' s-siltiet, kulħadd ra r-ritratti. Għalhekk ma jistgħux jerġgħu jiffirmawh."

More in Barranin