Nitkellmu ma' Ylenia Vella
Ylenia Vella hija Department Manager, Jobseeker Services Division, Jobsplus
Jiena nilbes kpiepel differenti. Wieħed mill-kpiepel tiegħi huwa dak ta’ Project Leader tal-Youth Guarantee, li huwa proġett iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew. Dan huwa proġett immirat lejn żgħażagħ bejn il-15 u d-29 sena.
Fi ħdan dan il-proġett hemm ħafna komponenti u ħafna affarijiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom iż-żgħażagħ. Żagħżugħ li ma jaħdimx, li mhuwiex qiegħed fit-taħriġ u mhux qiegħed fl-ebda edukazzjoni, jista’ jibbenefika minn training u minn upskilling f’format nonformali. Jiġifieri wieħed m’għandux jaħseb li se mmorru lura lejn l-iskola; mhux il-każ.
Għandna ħames setturi ta’ taħriġ li wieħed jista’ jibbenefika minnhom. Jista’ jagħżel il-marittimu, il-qasam tas-settur oranġjo, fejn qed nitkellmu fuq kreattività, u affarijiet oħra. Wieħed jista’ jidħol għall-Empower Youth — li huwa parti mill-Youth Guarantee — u jkun qiegħed jagħmel xi ħaġa filwaqt li jieħu allowance talli qed jipparteċipa fit-taħriġ.
Apparti minn hekk, aħna ngħinu wkoll lil dawk iż-żgħażagħ li forsi jkunu spiċċaw l-iskola sekondarja u ma jkunux għaddew mill-O Levels. Minflok jaqtgħu qalbhom u jgħidu, “Tlift sena u ma nistax nidħol inkompli nistudja,” ikollhom ħames ġimgħat ta’ taħriġ — qisu qed nitkellmu fuq lezzjonijiet tal-privat — fejn wieħed ikun qed jerġa’ jagħmel ir-reviżjoni tas-suġġetti partikolari li minnhom ma jkunx għadda, u jkun jista’ jagħti r-resit tagħhom fis-sessjoni ta’ Settembru.
Bl-istess mod, nassistu lill-istudenti li diġà qegħdin l-MCAST u qed jagħmlu l-programm ta’ taħriġ tagħhom hemmhekk, biex ikunu jistgħu jipprosegwu u jitilgħu minn sena għall-oħra. Għal dawk li forsi jbatu xi ftit, hemm dan il-programm ta’ taħriġ ukoll.
Nibdew minn żagħżugħ li bħalissa ma jagħmel xejn. Jista’ jew jikkuntattja lill-Advisor Unit tagħna, il-Youth Guarantee Unit fi ħdan Jobsplus, u jitlobna biex jidħol fil-programm. Aħna, minn żmien għal żmien, nagħmlu eżerċizzji ta’ outreach ukoll, fejn nippromovu dawn l-opportunitajiet maż-żgħażagħ li ma jkunux qegħdin fl-edukazzjoni u lanqas fix-xogħol.
Semmejt ukoll opportunità tajba ħafna, dik tal-mobilità. Dak huwa komponent separat, l-ALMA, fejn qed tingħata opportunità lil għaxar żgħażagħ biex isiefru barra minn xtutna u jieħdu opportunità ta’ xogħol barra minn Malta għal xahrejn.
Jiġifieri dawn huma opportunitajiet fejn wieħed ikun qed jipprepara ruħu qabel jitlaq isiefer. Fil-każ tal-ALMA, jingħata taħriġ dwar kif ikun indipendenti, kif iqassam il-ħin tiegħu, kif iqassam il-flus tiegħu aħjar u kif jgħix b’mod indipendenti. Imbagħad jieħu wkoll esperjenza f’pajjiż ieħor.
Is-sena l-oħra morna, pereżempju, Spanja. Din is-sena se mmorru l-Portugall. Hemmhekk jitgħallem il-lingwa tal-pajjiż biex ikun jista’ jikkomunika u jieħu esperjenza li tkun ta’ valur għas-CV tiegħu.
L-għan tal-Youth Guarantee huwa li l-individwu, meta joħroġ mill-programm tagħna, ma jgħidx, “Iva, għamilt programm ieħor bħall-oħrajn,” imma li jieħu xi ħaġa lura miegħu. Jiġifieri jieħu esperjenza differenti li ma kellux qabel, jikber, jitgħallem, u jkollu ċ-ċans li jew jerġa’ jidħol fil-qasam edukattiv jew inkella jidħol fid-dinja tax-xogħol.
Naraw minn kollox. Pereżempju, fl-ALMA rajna żgħażagħ li huma highly qualified u daħlu għaliha, u rajna wkoll żgħażagħ li m’għandhomx livell terzjarju ta’ edukazzjoni. Rajna żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti soċjali vulnerabbli.
Jiġifieri l-programmi tagħna ma jiddistingwux minn fejn ġej l-individwu, għaliex għandhom xi ħaġa x’joffru lil kulħadd.
Apparti minn hekk, naħseb li, b’differenza minn programmi preċedenti, il-Youth Guarantee qed joffri wkoll sapport professjonali lil dawk iż-żgħażagħ li, sfortunatament, ikunu għaddejjin minn xi problema jew diffikultà li taffettwahom anke milli jipprosegwu fil-futur tagħhom.
Aħna għandna kollaborazzjoni ma’ psikologi u counsellors biex ngħinuhom jindirizzaw is-sitwazzjoni li jkunu qegħdin fiha, sabiex jippreparaw ruħhom aħjar u, fl-aħħar mill-aħħar, jilħqu l-għan prinċipali li huwa xogħol jew edukazzjoni.
Għandna l-opportunità li nilħqu żgħażagħ li mhumiex qegħdin fl-edukazzjoni u mhuma jagħmlu xejn, jiġifieri la qed jaħdmu u lanqas qegħdin jirreġistraw għax-xogħol.
Naħseb li dik hija d-differenza li għandna bħala pajjiż meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Mill-esperjenza tiegħi, anke meta nitkellem ma’ kollegi barranin, iż-żgħażagħ li għandhom f’pajjiżhom u li huma bla xogħol huma ħafna drabi żgħażagħ li għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni. Fil-każ tagħna, mhuwiex hekk.
Jiġifieri fil-każ tagħna qed nilħqu lil dawk iż-żgħażagħ li huma l-aktar vulnerabbli u li ma kellhomx opportunitajiet. Għalija, dik hija xi ħaġa importanti ħafna.
Importanti wkoll li, jekk ma jkollokx is-sapport tal-adult li hemm id-dar, il-motivazzjoni waħedha mhux dejjem tkun biżżejjed. Jekk għandek żagħżugħ li mhuwiex motivat, tkun diffiċli li taqbdu minn xagħru u ġġibu ’l quddiem. Għalhekk irid ikun hemm kollaborazzjoni olistika, anke mal-ġenituri jew mal-kuratur legali tagħhom
